Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg kellu taħditiet mad-Deputat Kmandant tal-Armata Nazzjonali Libjana, il-Logutenent Ġeneral Saddam Khalifa Abu al-Qasim Haftar.
Il-laqgħa saret fil-Belt Valletta nhar il-Ħadd waranofsinhar waqt iż-żjara qasira f’Malta tad-Deputat Kmandant Saddam Khalifa Haftar. Dr Borg kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Christopher Cutajar. Id-diskussjonijiet iffokaw fuq l-aħħar żviluppi fil-Libja, kif ukoll fuq opportunitajiet ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi ġirien.
Dr Borg tenna l-appoġġ ta’ Malta għall-impenn biex tinkiseb stabbiltà u sigurtà fil-Libja. “Il-prosperità u s-sigurtà tal-Libja huma indispensabbli għas-sigurtà u r-reżiljenza madwar il-Mediterran kollu,” hu stqarr.
Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll ir-relazzjonijiet tal-Libja mal-Unjoni Ewropea, kif ukoll temi ewlenin relatati mas-sigurtà marittima fil-Mediterran.


