Waslitli informazzjoni kredibbli fejn ġejt infurmat li waqt il-kampanja elettorali, tiġi meta tiġi, se jkun qiegħed jiġi mmuntat attakk viljakk u moqżież kontrija, kontra marti u familtna.
Il-ħsieb ta’ min hemm wara dawn l-attakki huwa ċar – li jimmina s-suċċessi li kiseb il-Partit Laburista fil-Gvern filwaqt li jiddevja l-attenzjoni minn fuq il-proposti elettorali.
Kien għalhekk li wara diskussjoni mal-familja, li m’għandix għeżeż minnhom, wasalt għad-deċiżjoni li ma nikkandidax ruħi għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. M’hu se nħalli lil ħadd jużani sabiex jagħmel ħsara lill-Partit Laburista. U għalhekk għadni kif infurmajt lill-Prim Ministru Robert Abela b’din id-deċiżjoni bbażata fuq il-premessa li ħadd ma hu ikbar mill-Partit.
Is-suċċessi li ksibt għal pajjiżna fi żminijiet diffiċli, b’mod partikolari fil-qasam tat-turiżmu, ma jista’ jinnegahom ħadd. U huwa grazzi għal dik il-ħidma għaqlija li llum għandna settur ibbażat fuq sisien sodi.
Lilkom ilkoll li mxejtu din il-mixja politika miegħi, u li jaf nerġa’ ndur fuqkom għall-appoġġ fil-futur, nirringrazzjakom tal-imħabba u s-sostenn li dejjem urejtuna. Il-lealtà tagħkom hija mprezzabbli u se nibqa’ nkun hemm għalikom! Se tibqgħu dejjem f’qalbna!
Lilkom li għamiltu minn kollox biex jien u familti ngħaddu minn dan il-kalvarju, ngħidilkom li żmien il-kontijiet jasal għal kulħadd.
Dan kien il-messaġġ li wassal l-eks Ministru Laburista Clayton Bartolo ilbieraħ fuq il-mezzi soċjali


