Hekk kif April joqrob lejn tmiemu, nersqu lejn l-aħħar fażi tal-Malta Biennale 2026.
April ġab miegħu ġranet itwal u xemxin, li fihom wieħed seta’ jgawdi avvenimenti u attivitajiet fil-beraħ, flimkien mas-siti storiċi u l-mużewijiet li qed jilqgħu l-wirja internazzjonali u l-padiljuni tat-tieni edizzjoni tal-Biennale.
Tmiem April huwa wkoll immarkat mill-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar – avveniment ta’ għaxart ijiem li b’mod maġiku jdawwal il-port ikoniku tal-Belt Valletta, li jinsab bejn żewġ lokalitajiet tal-Biennale – il-belt kapitali u l-Birgu (waħda mit-Tlett Ibliet).
Il-programm tal-avvenimenti pubbliċi jkompli jikber, u jirrifletti wkoll id-domanda u l-interess impressjonanti li qed jirċievi l-Biennale minn skejjel, edukaturi u udjenzi varji, filwaqt li t-tim tal-Biennale qed jaħdem fuq l-aħħar irtokki tal-katalgu uffiċjali, li jiġbor fih l-artisti, ix-xogħlijiet artistiċi, il-padiljuni, is-siti u l-wirjiet kollha “taħt saqaf wieħed”.
Dawk li jżuru s-siti u l-mużewijiet tal-Biennale għandhom ukoll l-opportunità li jivvutaw għax-xogħol artistiku favorit tagħhom fil-wirja internazzjonali, permezz tal-Premju tal-Għażla tan-Nies (People’s Choice Award), li jibqa’ attiv sal-10 ta’ Mejju.
Il-ġimgħa li għaddiet, fil-programm tal-avvenimenti rajna l-parteċipazzjoni ta’ madwar 100 anzjan, akkumpanjati minn madwar 15-il carer, fil-workshop Generational Wishes, li sar fil-Forti Sant’Iermu fil-Belt Valletta. Ġiet organizzata wkoll żjara fis-siti tal-Biennale fil-Birgu għall-operaturi turistiċi.
L-avvenimenti tal-ġimgħa ta’ qabel intemmu bi JukeBox, imtella’ minn KorMalta fil-Knisja ta’ Santa Katerina tal-Italja fil-Belt Valletta. Aktar tard fl-istess lejla ġiet organizzata l-attività Biennale Art and Wine, fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu.
Sadanittant, avvenimenti oħra huma: Materia Prima għand JoBorg Gallery, li għalaq is-Sibt li għadda, f’Tas-Sliema; Ground 99 li se jibqa’ għaddej sas-16 ta’ Mejju f’99 F. Azzopardi, l-Isla; u l-wirja kollettiva Nothing is Clear, f’axis_, Ħ’Attard.
Il-biljetti għall-Malta Biennale jistgħu jinxtraw online minn maltabiennale.art.
L-iskeda sħiħa tal-wirjiet, l-artisti parteċipanti, il-padiljuni u l-attivitajiet fil-programm pubbliku tinsab ukoll f’maltabiennale.art.


