Fid-dawl ta’ staġnar fin-negozjati bejn ir-Russja u l-Ukrajna, il-President Ukren Volodymyr Zelensky sostna li d-diplomazija tista’ twassal għal tmiem l-invażjoni.
Waqt li kien qed jitkellem fuq it-televiżjoni Ukren, huwa ddikjara li huwa għadu jemmen li pajjiżu jista’ jkun rebbieħ fuq il-kamp tal-battalja. Minkejja dan il-President Ukren kompla jgħid li l-affarijiet jistgħu biss jieqfu kompletament “fuq il-mejda tan-negozjati”.
Il-kunflitt “se jkun imdemmi, se jkun hemm ġlied, iżda se jispiċċa b’mod definittiv biss permezz tad-diplomazija”, qal Zelensky.
Intant jidher li din mhix se tkun xi ħaġa faċli hekk kif it-Tlieta li għadda, in-negozjatur ewlieni ta’ Kiev Mykhaylo Podolyak qal li t-taħditiet kienu sospiżi. Ftit sigħat wara, il-kelliem tal-Kremlin Dmitry Peskov akkuża lill-awtoritajiet ta’ Kiev li ma jridux ikomplu t-taħditiet.
Minn naħa tagħhom, l-aġenziji tal-aħbarijiet Russi qalu li l-aħħar laqgħa seħħet kważi xahar ilu, fit-22 ta’ April.