Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Dr Ian Borg nieda l-kampanja internazzjonali THINK AORTA f’Malta waqt attività organizzata mill-Maltese Emergency Nurses’ Association.
Il-kampanja għandha l-għan li tqajjem aktar għarfien dwar il-mard tal-aorta, kundizzjoni serja li taffettwa l-akbar arterja fil-ġisem u li tibqa’ waħda mill-kawżi ewlenin ta’ mwiet madwar id-dinja – sfortunatament għaliex ħafna drabi tiġi identifikata tard wisq. Filwaqt li Malta ngħaqdet ma’ din l-inizjattiva llum, din il-kampanja qed titmexxa wkoll f’diversi pajjiżi bil-għan li jiżdied dejjem aktar l-għarfien dwar din il-kundizzjoni u b’hekk jiġu salvati l-ħajjiet.
Il-kampanja hija appoġġata mill-Association of Surgeons of Malta, l-Association of Emergency Physicians of Malta u l-Maltese Cardiac Society.
Fl-indirizz tiegħu, Dr Borg faħħar il-kollaborazzjoni bejn il-professjonisti tas-saħħa involuti f’din l-inizjattiva u enfasizza l-importanza tal-prevenzjoni u l-identifikazzjoni bikrija, mhux biss fejn jidħol il-mard tal-aorta iżda f’kundizzjonijiet oħra wkoll.
“Il-kampanja tal-lum tfakkarna f’messaġġ sempliċi iżda importanti: l-għarfien isalva l-ħajjiet. Ħafna kundizzjonijiet serji jiżviluppaw mingħajr sintomi evidenti, u għalhekk il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni bikrija jibqgħu fost l-aktar għodod b’saħħithom li għandna,” qal Dr Borg.
Id-Deputat Prim Ministru rrefera wkoll għall-programmi nazzjonali ta’ screening bħala eżempju konkret tal-investiment kontinwu tal-Gvern fil-prevenzjoni u fil-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li jagħmlu parti mis-settur tas-saħħa.
“Nixtieq nirringrazzja lill-professjonisti kollha tas-saħħa għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom, b’mod partikolari meta jmexxu kampanji ta’ għarfien bħal din. Nappella wkoll lill-pubbliku sabiex jaċċetta l-istediniet għall-iscreening, għaliex il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni bikrija jistgħu jagħmlu differenza li ssalva l-ħajja,” sostna Dr Borg.
Id-Deputat Prim Ministru temm billi tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jappoġġa inizjattivi li jsaħħu l-prevenzjoni u jqajmu aktar għarfien dwar kundizzjonijiet serji, bil-għan li jkomplu jitjiebu r-riżultati tas-saħħa u jiġu salvati aktar ħajjiet.
L-attività ġiet indirizzata wkoll minn rappreżentant tal-kampanja internazzjonali THINK AORTA u professjonisti tas-saħħa lokali, li taw ħarsa lejn l-oriġini tal-kampanja, il-progress fir-riċerka dwar il-mard tal-aorta u l-ħtieġa li jkompli jiżdied l-għarfien dwar din il-kundizzjoni.

