Il-ħaddiema s-salvataġġi għadhom ifittxu b’għaġla kbira fi ġlieda kontra l-ħin biex isalvaw il-ħajjiet fost il-fdallijiet u t-tifrik tal-bini mwaqqa wara li żewġ terremoti qawwija laqtu l-Venezwela nhar l-Erbgħa wara nofinhar u qatlu mill-inqas 235 persuna u ferew aktar minn 4,300 oħra.
Fil-belt kapitali Caracas u l-belt kostali fil-qrib ta’ La Guaira, kien hemm waqtiet fejn in-nies instemgħu jgħajtu u jitkarrbu għall-għajnuna minn taħt it-tifrik u l-fdalijiet ta’ bini li ġġarraf.
L-ewwel terremot kien ta’ kobor 7.2 u ġie segwit ftit sekondi wara minn terremot ieħor saħansitra aktar qawwi ta’ kobor 7.5, skont l-Istħarriġ Ġoloġiku tal-Istati Uniti (USGS), bit-tnejn iseħħu qrib il-wiċċ, u b’hekk il-qerda u devastazzjoni kienu akbar u aktar severi.
Ħafna aktar nies huma maħsuba li mietu, b’oħrajn li spiċċaw bla dar jew jibżgħu wisq jibqgħu f’bini li ġarrab ħsara u mhux sigur qed jorqdu fit-toroq.
It-terremoti laqtu fis-6.00 ta filgħaxija ħin lokali nhar l-Erbgħa li kien ukoll jum ta festa nazzjonali fil-Venezwela, li jfisser li aktar nies kienu d-dar milli f’ġurnata normali tal-ġimgħa.
Diversi pajjiżi diġa wiegħdu li jgħinu fl-isforzi ta’ salvataġġ, bl-Istati Uniti twiegħed $150 miljun f’għajnuna. Il-militar tal-Istati Uniti qed jibgħat vapuri u ajruplani tat-trasport biex jappoġġja lit-timijiet ta’ tiftix u salvataġġ f’operazzjonijiet ta’ għajnuna rapida.
Il-Venezwela tinsab fuq il-punt fejn jiltaqgħu żewġ pjanċi tettoniċi u t-terremoti x’aktarx kienu kkawżati mir-rilaxx f’daqqa ta’ ċaqlieq bejniethom.

