Friday, June 26, 2026

“Se nibqa’ nisħaq favur protezzjoni għall-konsumaturi u n-negozi żgħar  fl-użu tad-data personali tagħhom”

- L-MEP Alex Agius Saliba - Rapporteur tal-Parlament Ewropew għad-Data Omnibus.

Aqra wkoll

Il-kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew (IMCO) iddiskuta l-abbozz leġiżlattiv li ġie mfassal mill-MPE Alex Agius Saliba li huwa n-negozjatur tal-Parlament tad-Data Omnibus. Din hija liġi ġdida li se tgħaqqad leġiżlazzjonijiet eżistenti f’qafas leġiżlattiv wieħed u li jipproponi wkoll tibdil fir-regolamenti ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data personali tal-individwu jew negozju (GDPR).

“Filwaqt li hija xi ħaġa pożittiva li nissimplifikaw ir-regoli dwar id-data, għandi riżervi fit-tnaqqis ta’ infurzar fejn tidħol il-qalba tar-regolamenti diġitali Ewropej. Opponejt bis-saħħa t-tnaqqis tal-protezzjoni tal-GDPR billi jkun permess l-użu tad-data personali tagħna għall-fini ta’ taħriġ ta’ mudelli ta’ intelliġenza artifiċjali,” sostna Agius Saliba.

L-MEP Alex Agius Saliba enfasizza wkoll li r-regoli proposti għall-użu tal-cookie banners mhumiex effettivi biżżejjed u jeħtieġ li jissaħħu. Huwa sostna li l-fatt li l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu permezz tas-settings fuq il-broswer tiegħu hija importanti. F’kull ċirkostanza, iċ-ċittadin għandu jkollu s-setgħa li jagħżel hu jridx jagħti kunsens u anke f’każijiet fejn jagħtih u jkun irid jirtirah, m’għandux għalfejn jgħaddi minn burokrazija żejda u jiġi affaċċjat b’talbiet repetittivi u tedjanti permezz tal-banners tal-cookies.

“Jekk irridu nagħtu aktar opportunitajiet liċ-ċittadini biex jikkontrollaw id-data personali tagħhom, irridu nagħmluha faċli għalihom, għax dawn sal-llum għadhom poċessi kumplessi ħafna. Huwa għalhekk li pproponejt il-kunċett ta’ Data Expert Representative, li jkun jista’ jaġixxi f’ismek, jappoġġjak, jinfurmak dwar id-drittijiet tiegħek u fl-aħħar mill-aħħar jinnegozja kundizzjonijiet aħjar mal-kumpaniji l-kbar tat-teknoloġija”, qal Alex Agius Saliba.

Minbarra l-aspetti relatati mad-data, il-proposta tad-Data Omnibus tipprevedi wkoll it-tħassir tar-Regolament Platform to Business. Dawn ir-regoli, adottati fl-2019, kienu l-ewwel li indirizzaw id-drittijiet tan-negozji ż-żgħar fir-relazzjoni tagħhom mal-pjattaformi online, qabel daħlu fis-seħħ l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali. L-MPE Agius Saliba oppona dan u t-tħassir tar-Regolament Platform to Business għaliex sostna li dan iwassal għal tnaqqis fil-protezzjoni tal-intrapriżi żgħar u medji online.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport