L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) flimkien mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ffirmaw ftehim li permezz tiegħu ser ikomplu jagħtu aktar sigurtà lill-partijiet terzi, lill-ħaddiema u lill-pubbliku. Fost l-inizjattivi prinċipali elenkati f’dan il-ftehim iż-żewġ awtoritajiet se jibdew jagħmlu spezzjonijiet konġunti f’siti ta’ kostruzzjoni.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard flimkien mal-Aġent Kap Eżekuttiv tal-BCA l-Perit Roderick Bonnici, u l-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Dr Josianne Cutajar.
F’din il-konferenza sar l-iffirmar ta’ dan il-ftehim li permezz tiegħu l-Awtoritajiet konċernati qegħdin jistabbilixxu proċeduri ta’ kif se jkunu qegħdin isiru dawn l-ispezzjonijiet kif ukoll kif għandhom jaqsmu l-informazzjoni u r-rapporti ta’ investigazzjonijiet kif meħtieġ. Ġie spjegat kif l-eżitu tal-investigazzjonijiet għandhom jgħaddu għand l-Awtoritajiet tal-Infurzar sabiex tkun tista’ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Il-Ministru Attard qal li f’Awwissu li għadda l-Awtoritajiet bdew jaħdmu fuq proġett pilota ta’ spezzjonijiet konġunti fuq siti ta’ kostruzzjoni, liema proġett irriżulta bl-aktar mod ċar kemm kien neċessarju, b’tali mod li l-proċess ġie issa fformalizzat fi ftehim.
“Mill-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu ’l hawn saru madwar 550 spezzjoni konġunta u minnhom irriżulta li ttieħdu 134 azzjoni mill-uffiċjali tal-BCA u 147 azzjoni mill-uffiċjali tal-OHSA. Ta’ min wieħed jinnota wkoll, li waqt dawn l-ispezzjonijiet, kien hemm numru ta’ istanzi li kemm l-OHSA kif ukoll il-BCA kellhom jieħdu azzjoni fuq l-istess sit,” spjega l-Ministru.
Il-Ministru Attard qal li din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jkompli jgħolli l-istandards fis-settur u dan anke f’konformità mar-rapport tal-inkjesta pubblika marbuta mal-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia.
Sadanittant, l-investiment fiż-żewġ Awtoritajiet kompla jissokta, fejn fl-aħħar sena żdiedu l-impjegati fiż-żewġ awtoritajiet, b’enfasi fuq l-aspett ta’ infurzar. Fil-BCA, l-għadd ta’ ħaddiema fl-aħħar xhur żdied għal 84, b’26 minnhom iservu fit-taqsima tal-infurzar, liema taqsima fix-xhur li ġejjin se tkompli tissaħħaħ b’20 uffiċjal ieħor.
Fejn tidħol l-OHSA nżamm l-impenn li jiżdiedu l-ħaddiema u fl-aħħar 12-il xahar l-awtorità kważi rduppjat ir-riżorsa umana tagħha minn madwar 30 ħaddiem għal 55 ħaddiem u għaddejja aktar ħidma biex dawn ikomplu jiżdiedu.
Intant, f’din il-konferenza intqal kif iż-żewġ entitajiet se jibdew jikkollaboraw fuq l-edukazzjoni lill-ħaddiema fl-industrija tal-kostruzzjoni, filwaqt li jagħtu taħriġ dwar is-saħħa u s-sigurtà. Sitt xhur wara t-tnedija tal-helpline 138, iż-żewġ entitajiet se jaraw ukoll li jkomplu jippromwovu dan il-helpline sabiex il-pubbliku jkun aktar mgħarraf dwar id-drittijiet tiegħu fejn tidħol kostruzzjoni u saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-BCA l-Perit Roderick Bonnici qal li dan il-ftehim ser ikompli jtejjeb ir-relazzjoni b’saħħitha li diġà teżisti bejn l-BCA u l-OHSA, tant li dawn iż-żewġ entitajiet qed jaqblu illi fejn jirriżulta mill-investigazzjonijiet li xi waħda mill-entitajiet jeħtieġ tieħu azzjoni legali, iż-żewġ entitajiet ser ikunu qed jikkoperaw flimkien billi jaqsmu informazzjoni relatata mal-investigazzjoni relevanti. Spjega wkoll kif permezz ta’ dan il-ftehim iż-żewġ entitajiet se jkunu qed jaqsmu flimkien ukoll il-prattiċi ta’ infurzar, sabiex l-infurzar ikun wieħed aktar ħolistiku.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Dr Josianne Cutajar spjegat kif l-OHSA flimkien mal-BCA matul l-aħħar xhur ħadmu flimkien biex jintlaħaq ftehim ta’ koordinazzjoni u kollaborazzjoni fuq numru ta’ oqsma bil-għan li jintlaħqu standards ogħla ta’ saħħa u sigurtà fil-pajjiż. B’dan il-ftehim li qed jiġi ffirmat illum, l-OHSA poġġiet il-prinċipji ta’ saħħa u sigurtà fl-ogħla livell fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar legiżlazzjoni, regolamenti kif ukoll policy-making dwar il-kostruzzjoni. Dan jawgura tajjeb sabiex tissaħħaħ aktar is-saħħa u s-sigurtà f’dan is-settur ferm importanti f’pajjiżna.