Tuesday, September 1, 2026
Home Sport Ikkonfermata d-deċiżjoni li Marsa jitnaqqsulhom 13-il punt mill-Bord tal-Appelli tal-MFA

Ikkonfermata d-deċiżjoni li Marsa jitnaqqsulhom 13-il punt mill-Bord tal-Appelli tal-MFA

0
50

Il-Bord tal-Appelli tal-Malta FA kkonferma d-deċiżjoni tiegħu li jissanzjona lil Marsa FC bi tnaqqis ta’ 13-il punt li għandhom jiġu applikati matul l-istaġun 2026/27.

L-appell kien jikkonċerna d-deċiżjoni tal-Bord tal-Liċenzjar tal-Klabbs Membri tal-21 ta’ Novembru 2025, fejn Marsa FC ġiet sanzjonata b’tnaqqis ta’ 13-il punt wara li l-Klabb naqas milli jissodisfa ċerti obbligi finanzjarji fiż-żmien tal-iskadenzi applikabbli.

Aktar kmieni matul l-istaġun 2025/26, il-Bord tal-Liċenzjar kien identifika numru ta’ kwistjonijiet pendenti relatati prinċipalment ma’ ammonti dovuti lill-players u lill-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana ta’ Malta. Il-liċenzja ta’ Marsa FC ġiet konvertita f’liċenzja proviżorja u ġiet imposta projbizzjoni temporanja fuq ir-reġistrazzjoni tal-players.

Il-klabb inizjalment ingħata sal-31 ta’ Ottubru 2025 biex jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu. L-iskadenza ġiet sussegwentement estiża sal-20 ta’ Novembru 2025, bil-Klabb jiġi infurmat li tittieħed aktar azzjoni jekk il-kwistjonijiet pendenti jibqgħu mhux solvuti.

Wara l-iskadenza ta’ din l-iskadenza, il-Bord tal-Liċenzjar stabbilixxa li ammonti li jammontaw għal madwar €67,000 baqgħu pendenti u konsegwentement impona t-tnaqqis ta’ tlettax-il punt.

Marsa FC appellat id-deċiżjoni prinċipalment għar-raġuni li t-tnaqqis tal-punti kkostitwixxa t-tieni sanzjoni għall-istess inadempjenza, li s-sanzjoni kienet eċċessiva u sproporzjonata, u li l-klabb kien sussegwentement irranġa l-pożizzjoni finanzjarja tiegħu.

Il-Bord tal-Appelli ħa nota tal-fatt li l-Klabb kien sussegwentement irranġa l-pożizzjoni finanzjarja tiegħu u ħallas l-ammonti li kienu taw lok għas-sanzjoni. Madankollu, ġie argumentat li l-Assoċjazzjoni u l-Bord tal-Liċenzjar tagħha kienu meħtieġa japplikaw ir-regolamenti tal-liċenzjar applikabbli u ma setgħux jinjoraw jew jitbiegħdu minn dawn ir-regoli sempliċement għax il-klabb kien sussegwentement irranġa l-pożizzjoni tiegħu.

Il-Bord qal li filwaqt li jirrikonoxxi u jilqa’ l-fatt li Marsa FC sussegwentement issolviet l-obbligi pendenti tagħha, tali regolarizzazzjoni sussegwenti, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli ppreżentati lill-Bord, ma tipprovdix bażi regolatorja suffiċjenti għall-kanċellazzjoni jew it-tnaqqis ta’ sanzjoni li kienet qamet wara n-nuqqas tal-klabb li jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu fiż-żmien tal-iskadenza applikabbli u li ma kienx hemm biżżejjed raġunijiet biex tvarja d-deċiżjoni li ttieħdet mill-Bord tal-Liċenzjar tal-Klabbs Membri.

Għal din ir-raġuni, Marsa FC se jibdew l-istaġun tagħhom tal-BOV National League I bi 13-il punt imnaqqsa.

Sadanittant Marsa FC ħarġu stqarrija wara din id-deċiżjoni li tgħid hekk:

Wara d-deċiżjoni tal-MFA Appeals Board li għal darb’oħra żamm fis-seħħ it-tnaqqis ta’ 13-il punt kontra Marsa FC, ma nistgħux nibqgħu siekta.

L-Appeals Board kien magħmul minn Mr Nick Xuereb, Chairman, Dr David Fabri u Mr Shaun Camilleri.

Nirrispettaw il-fatt li dan il-Board huwa awtonomu u għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu skont ir-regolamenti u mingħajr pressjoni minn ħadd. Madankollu, nemmnu li f’każijiet bħal dawn il-clubs żgħar m’għandhomx jitħallew jiffaċċjaw proċeduri kumplessi waħedhom.

Qed nitkellmu fuq tnaqqis ta’ 13-il punt minħabba ammont ta’ madwar €67,000.

Mhux miljuni. Mhux mijiet ta’ eluf.

Madwar €67,000.

Ammont li llum tħallas kollu.

Fil-fatt, illum Marsa FC jista’ jgħid b’mod ċar li l-club huwa ħieles minn kull dejn.

M’għandniex dejn mat-Taxxa, mas-suppliers, mal-istaff, mal-coaches jew mal-players.

M’għandna dejn ma’ ħadd.

U minkejja dan, club li llum irregolarizza kompletament is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu se jibda staġun ġdid bi 13-il punt inqas.

Nifhmu li l-MFA għandha r-responsabbiltà li żżomm standards finanzjarji u amministrattivi fil-football Malti. Madankollu, nemmnu wkoll li s-sistema għandha tkun proporzjonata u li għandha tagħti kas tar-realtà tal-clubs żgħar, li ħafna drabi jitmexxew kważi kompletament minn voluntiera.

Biex saħansitra stajna nerġgħu nappellaw kellna mmorru quddiem Laqgħa Ġenerali tal-MFA u nitolbu vot mill-membri biex jingħatalna d-dritt nerġgħu nressqu l-każ tagħna.

Għamilna dan għax nemmnu li 13-il punt fuq ammont ta’ madwar €67,000, li llum ilu li tħallas kollu, huwa sanzjoni estremament severa għal club żgħir li rregolarizza l-obbligi tiegħu.

Iżda din il-kwistjoni tmur lil hinn minn din is-sanzjoni waħda.

L-MFA titlob ħafna mill-clubs. Titlob bidliet kontinwi, aktar burokrazija, aktar dokumentazzjoni, aktar kontrolli, aktar rekwiżiti ta’ licensing u standards li ħafna drabi jkunu diffiċli biex jiġu implimentati, speċjalment minn clubs żgħar li jitmexxew minn voluntiera.

Aħna ma qed ngħidux li m’għandux ikun hemm regolamentazzjoni jew standards. Il-clubs għandhom ikunu organizzati u responsabbli. Iżda jekk l-MFA qed titlob dejjem aktar mill-clubs, għandha wkoll tipprovdilhom l-għodod u l-għajnuna meħtieġa biex ikunu jistgħu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti.

Għandha tagħmel il-ħajja tal-clubs aktar faċli, mhux tħallihom jiffaċċjaw kull diffikultà waħedhom.

F’każijiet fejn club ikun qed jipprova jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu, l-MFA għandha tikkunsidra li tipprovdi għajnuna konkreta, inkluż assistenza amministrattiva u legali. Dan jista’ jsir billi l-club jingħata aċċess għal avukat jew konsulent legali indipendenti li jkun jista’ jassistih fil-proċeduri quddiem boards u tribunali sportivi.

Club żgħir m’għandux jitħalla jiffaċċja waħdu proċess legali u amministrattiv kumpless, filwaqt li d-deċiżjoni tista’ taffettwa l-futur kollu tiegħu.

Il-boards għandhom ikunu indipendenti u jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom skont ir-regolamenti. Iżda l-clubs għandhom ikunu megħjuna biex jippreżentaw il-każ tagħhom b’mod ċar, komplut u professjonali. Ma jistax ikun li club żgħir, immexxi minn voluntiera li mhumiex esperti fil-liġi jew fil-proċeduri sportivi, jitħalla jissielet waħdu quddiem bord li d-deċiżjoni tiegħu tista’ tiddetermina l-futur tal-club.

L-għajnuna legali ma tfissirx li l-MFA għandha tindaħal fid-deċiżjoni tal-Board. Tfisser li għandha tiżgura li l-club ikollu l-opportunità ġusta li jinstema’ u li jippreżenta l-każ tiegħu bl-aħjar mod possibbli.

Ma jistax ikun li l-MFA titlob standards ta’ organizzazzjoni kważi professjonali, iżda tħalli lill-clubs żgħar iġorru kollox waħedhom, mingħajr riżorsi, mingħajr għajnuna u mingħajr gwida.

Hawnhekk jidħol aspett li ħafna drabi jintesa.

Aħna voluntiera.

Ħafna minna għandna x-xogħol tagħna, il-familji tagħna u t-tfal tagħna.

Nispiċċaw ġurnata xogħol u nibdew oħra għall-club.

Inqattgħu l-lejliet fil-laqgħat, niġru wara sponsors, players, coaches, ground, amministrazzjoni u mijiet ta’ problemi oħra.

Nagħtu ħin li kieku konna nqattgħuh ma’ wliedna u mal-familji tagħna.

U nagħmlu dan mingħajr paga, għax inħobbu l-football u l-club tagħna.

Il-football Malti ma jgħixx biss bil-boards u r-regolamenti.

Jgħix bil-voluntiera.

Għalhekk nemmnu li s-sistema għandha tkun mibnija mhux biss fuq kontroll u sanzjonijiet, iżda wkoll fuq prevenzjoni, gwida u appoġġ.

Meta club ikun qed jipprova jirranġa l-problemi tiegħu, għandu jsib istituzzjoni li tgħinu jikkonforma, mhux sistema li tħallih jissielet waħdu quddiem proċeduri li jistgħu jeqirdu staġun sħiħ u jipperikolaw il-futur tiegħu.

Marsa FC mhux qed titlob favur.

Qed nitolbu ġustizzja, proporzjonalità u sens komun.

Qed nitolbu wkoll li l-MFA tkompli ssaħħaħ l-appoġġ tagħha lill-clubs, billi tipprovdi għajnuna amministrattiva u legali, inkluż avukat jew konsulent li jkun jista’ jassisti lill-clubs f’każijiet quddiem boards u tribunali.

Il-clubs għandhom ikunu responsabbli, iżda m’għandhomx jitħallew waħedhom.

€67,000. Imħallsa kollha. Dejn xejn. U xorta 13-il punt.

Dak hu li l-pubbliku għandu jifhem u jikkunsidra.Il-Bord tal-Appelli tal-Malta FA jikkonferma d-deċiżjoni tiegħu li jissanzjona lil Marsa FC bi tnaqqis ta’ 13-il punt għall-istaġun 2026/27

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here