Thursday, October 31, 2024

Ikompli l-każ tal-qtil ta’ Lassana Cisse: Immigrant milqut f’hit-and-run isofri ksur fi spalltu

Aqra wkoll

Immigrant żagħżugħ li ntlaqat minn karozza fl-istess triq fejn xahrejn wara nqatel Lassana Cisse, kien sofra ksur fi spalltu.

Il-ġrieħi li sofra May Malimi, ta’ 19-il sena miċ-Chad, kienu kkonfermati minn speċjalist mediku li ta x-xhieda tiegħu fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Francesco Fenech ta’ 21 sena u Lorin Scicluna ta’ 22 sena, eks-suldati mal-Forzi Armati ta’ Malta mixlijin bil-qtil ta’ Cisse.

Fenech u Scicluna qed jiġu mixlijin ukoll bl-attentat ta’ qtil ta’ żewġ immigranti oħrajn fl-isparatura li fiha nqatel Cisse, u kif ukoll bl-attentat ta’ qtil ta’ Malimi.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia semgħet kif il-vittma nhar it-3 ta’ Frar kien miexi Birżebbuġa fid-direzzjoni taċ-ċentru ta’ Ħal Far meta ntlaqat minn karozza.

Iż-żagħżugħ għamel madwar siegħa mal-art qabel ma rnexxielu jerġa’ jqum fuq saqajh u jsejjaħ l-għajnuna.

Tliet ħaddiema tal-AWAS ukoll xehdu li ż-żagħżugħ kien wasal fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far mgħejjun minn żewġ immigranti oħrajn. 

Il-każ se jitkompla fit-22 ta’ Ottubru li ġej.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Trevor Micallef u Keith Arnaud, filwaqt li l-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Kris Busietta qed jidhru għal Scicluna. L-Avukati Giannella de Marco u Stephen Tonna Lowell qed jidhru għal Fenech.

L-Avukt Joe Giglio qed jidher bħala parte civile.

Sport