Sunday, November 24, 2024

Il-Bank of Valletta iħabbar ir-raba’ kunċert qasir li se jittella’ fil-Knisja Parrokjali San Nikola fis-Siġġiewi

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta huwa kburi jħabbar ir-raba’ kunċert qasir mis-sensiela tal-Customer Outreach Program li permezz tiegħu qed jiċċelebra l-50 anniversarju tal-Bank. Skedat għal nhar it-Tnejn, 16 ta’ Settembru 2024 fis-19:00, dan il-kunċert se jsir fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Nikola, fis-Siġġiewi, u huwa miftuħ għall-pubbliku mingħajr ħlas.

Fil-kunċert se jkun hemm kwartett tal-kordi mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Il-mużiċisti se jinterpretaw repertorju varjat li jenfasizza kemm it-tradizzjonijiet tal-mużika Maltija kif ukoll dik klassika. Filfatt, se jindaqqu Sarabanda, biċċa sabiħa ta’ wieħed mill-aktar kompożituri rinomati  Maltin, Mro Joseph Vella, li tirrifletti l-wirt għani tal-mużika klassika Maltija. Il-kwartett se jkun qed jinterpreta wkoll Emboldening ta’ Albert Garzia, xogħol kontemporanju li juri n-natura vibranti u dejjem tevolvi tal-mużika Maltija. Fl-aħħarnett, il-kwartett se jdoqq ukoll String Quartet in C minor, Op. 18, Nru 4, wieħed mill-kwartetti bikrija ta’ Beethoven, magħrufa għall-profondità emozzjonali u l-firxa dinamika tagħha.

Dan l-avveniment jiċċelebra wkoll l-impenn fit-tul tal-Bank of Valletta biex jippreserva l-wirt kulturali. Fl-2020, il-Bank appoġġja r-restawr tal-pittura u l-kurċifiss tal-1700 li jiffurmaw il-Golgota, xogħol artistiku li jinsab f’din il-Knisja Parrokkjali. Dan il-proġett, esegwit minn Agatha Grima Conservators, kellu l-għan li jsaħħaħ strutturalment iż-żewġ xogħlijiet, li kienu sofrew minn kundizzjonijiet ambjentali u interventi preċedenti. Il-pittura, attribwita lill-artist Malti Michelangelo Marulli, u l-kurċifiss tal-iskultur Giovanni Battista Vanelli, ġew restawrati għall-istat oriġinali tagħhom grazzi għal tekniċi avvanzati ta’ immaġini ottiċi mhux invażivi u sforzi ta’ konservazzjoni metikolużi.

Waqt l-attività, Agatha Grima, kap tal-proġett tar-restawr, se tagħti spjegazzjoni qasira tax-xogħol ta’ konservazzjoni li sar kemm fuq il-pittura kif ukoll fuq il-kurċifiss. Il-preżentazzjoni tagħha se tipprovdi għarfien dwar l-isfidi ffaċċjati waqt ir-restawr u l-metodi użati biex jiġu ppreservati dawn ix-xogħlijiet importanti tal-arti. B’hekk jisaħħaħ l-apprezzament tal-udjenza lejn is-sinjifikat kulturali ta’ dawn il-biċċiet tal-arti.

Barra minn hekk, waqt dan l-avveniment, se tinkixef uffiċjalment l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju li ġiet rrestawrata dan l-aħħar. Din hija skultura tal-injam tal-artist Malti, Marjanu Gerada, li żżid mas-sinjifikat kulturali tas-serata.

“Aħna onorati li nkomplu s-sensiela ta’ kunċerti qosra tagħna f’ambjent tant sinjifikanti bħall-Knisja Parrokkjali ta’ San Nikola,” sostna Ernest Agius, iċ-Chief Operations Officer tal-Bank. “Dan il-kunċert mhux biss jiċċelebra l-50 anniversarju tagħna iżda jenfasizza wkoll id-dedikazzjoni tal-Bank għall-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali għani ta’ Malta. Nistiednu lil kulħadd biex jingħaqad magħna għal dan l-avveniment speċjali.”

Dettalji tal-Avveniment:

It-Tnejn, 16 ta’ Settembru 2024

Ħin: 07:00 ta’ filgħaxija

Post: Knisja Parrokkjali San Nikola, Siġġiewi

Dħul: Mingħajr ħlas (il-postijiet huma fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda)

Sport