Saturday, December 21, 2024

Il-Bank Pilatus u Claude-Anne Fournier jitressqu l-Qorti fuq ħasil ta’ flus

Aqra wkoll

Il-Pilatus Bank u Claude-Ann Sant Fournier ta’ 41 sena minn Tas-Sliema, ilbieraħ tressqu l-Qorti wara nofsinhar akkużati b’ħasil ta’ flus. Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha mill-Maġistrat Joe Mifsud, laqgħet it-talba għall-iffriżar tal-assi tal-Bank Pilatus, Filkaz ta’ Claude-Anne Sant Fournier, il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-iffriżar tal-assi għalkemm ħarġet ordni temporanja sakemm l-Avukat Ġenerali jappella mid-deċiżjoni.

Fis-seduta tela’ jixhed ukoll missier l-akkużata, John Zammit li qal li huwa lest li joqgħod garanti għal bintu. Dwar it-talba mill-ħelsien mill-arrest ta’ Claude -Anne Sant Fournier il-qorti ikkwotat digrieti li kienu ngħataw bħal l-appell tal-Kummissarju tat-Tfal biex il-qrati jkunu aktar sensittivi fejn jidħlu l-interessi tat-tfal. Semgħet ukoll dwar il-kundizzjoni medika ta’ wieħed minn ulied l-imputata.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qieset ukoll li kull meta ssejħet mill-investigaturi Dr Sant Fournier dejjem attendiet u li hemm persuni li se jkunu garanti għaliha. Għaldaqstant, il-Qorti tatha l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €10,000 u għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li ma tistax issiefer, ma tistax tkellem xhieda tal-prosekuzzjoni u trid tiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-Għassa ta’ Tas-Sliema. Hija ġiet ordnata wkoll li bejn l-10.00 p.m. u s-6.00 a.m. tkun ġewwa.

Il-Karta tal-Identità u l-passaport ġew ikkonfiskati. Il-Pulizija tgħid li ngħalqet l-inkjesta maġisterjali Kienet il-Pulizija li permezz ta’ stqarrija qalet li wara l-għeluq ta’ inkjesta maġisterjali, se jinħarġu akkużi fil-konfront ta’ bank lokali u Sant Fournier li hija l-eks kap legali tal-bank Pilatus. L-inkjesta kienet infetħet f’Novembru tas-sena 2018. Fis-seduta tal-Qorti għall-bank Pilatus deher rappreżentant minn PWC bħala l-persuna kompetenti maħtura mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA biex iħares l-affarijiet tal-bank. Hu ġie akkużat bħala rappreżentant tal-bank Pilatus. Huwa mhu qiegħed jiffaċċja ebda akkużi personali. Hu qed jiġi akkużat bħala l-persuna kompetenti li ġiet appuntata mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA bħala r-rappreżentant tal-bank.

Mix-xhieda fil-Qorti ħareġ li Claude-Ann Sant Fournier kienet ġiet arrestata fil-5 ta’ April. Minnn dak iż-żmien hija kienet fuq ‘police bail’ u sarulha erba’ interrogazzjonijiet biex tara u tiċċekja ma’ dokumenti voluminużi. Issemma kif fl-investigazzjonijiet Claude-Ann Sant Founier dejjem użat id-dritt tas-silenzju. L-Ispettur Pauline Bonello qalet li Sant Fournier, ma rċevitx flus apparti l-flus tal-paga. Mistoqsija għaliex intalbet it-talba għall-iffriżar tal-assi, l-Ispettur Pauline Bonello stqarret li meta persuna li qed tiġi akkużata b’ħasil tal-flus, il-Prosekuzzjoni temporanjament għandha titlob talba għall-iffriżar tal-assi.

L-Ispettur ikkonfermat li Claudine-Anne Sant Fournier m’għadiex Direttur tal-bank u li ttieħdet id-dokumentazzjoni kollha mill-bank sabiex ġew esebiti fl-inkjesta separata li ntemmet.

Ekonomija

Sport