Sunday, December 22, 2024

Il-BOV b’sehem attiv fil-qasam tal-volontarjat fi ħdan NGOs lokali

L-impjegati tal-Bank jingħataw Jum biex jiddedikawh għal servizz volontarju

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta ħabbar inizjattiva ġdida bil-għan li jrawwem l-impenn lejn il-komunità u r-responsabbiltà soċjali fost l-impjegati tiegħu. L-impjegati kollha tal-Bank qed jingħataw ġurnata ta’ mistrieħ addizzjonali kull sena. Din il-ġurnata se tkun iddedikata għal servizz volontarju marbut mal-ambjent naturali jew fl-isfera soċjali. Minn mindu tnediet l-inizjattiva, numru ta’ impjegati tal-Bank diġà taw daqqa t’id tant meħtieġa lil diversi għaqdiet non-governattivi li jiffokaw fuq l-ambjent, il-benessri tal-annimali u t-tfal fil-bżonn.

Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tal-Bank of Valletta li jagħti lura lill-komunitajiet li jopera fihom u jirrikonoxxi l-importanza tal-volontarjat bħala mezz prattiku biex jagħmel impatt pożittiv fuq is-soċjetà. Waqt li spjega din l-inizjattiva, Charles Azzopardi, li jmexxi t-tim tas-CSR tal-Bank, sostna li, “l-Bank għandu programm wiesa’ li permezz tiegħu ilna nappoġġjaw lill-komunitajiet lokali matul l-aħħar deċennji. Dan il-programm huwa marbut b’mod qawwi mal-impenn tal-BOV li jkun membru attiv tas-soċjetà Maltija. Issa qed nieħdu dan l-impenn pass ’il quddiem billi nħeġġu lill-impjegati kollha jesperjenzaw xogħol volontarju b’mod dirett, filwaqt li nappoġġaw ukoll lil NGOs, li jagħtu kontribut u jagħmlu xogħol imprezzabbli fil-komunitajiet tagħna.”

Matul dawn l-aħħar xahrejn, impjegati tal-Bank ipparteċipaw f’avvenimenti ta’ tħawwil u tindif ta’ siġar f’Malta u f’Għawdex, filwaqt li oħrajn qattgħu ġurnata jgħinu lis-santwarju tal-annimali AAA (Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati). Għadd ta’ impjegati ddedikaw il-ġurnata tagħhom biex jgħinu lil Fondazzjoni Sebħ, li hija ffukata biex tgħin lin-nisa u t-tfal jerġgħu jintegraw fil-komunità. Residenti minn Dar Santa Tereza, Dar Fra Diego, u Dar San Nikola, li kollettivament jospitaw madwar 50 tifel u tifla fil-kura, ukoll irċevew l-għajnuna minn impjegati tal-BOV.

Ray Debattista, Chief People & Culture Officer tal-BOV, spjega kif din l-inizjattiva qed isservi wkoll biex ittejjeb il-benessri tal-impjegati. “Fil-Bank of Valletta, il-benessri tan-nies tagħna huwa prijorità, u nagħrfu l-irwol kruċjali li x-xogħol volontarju u l-kultura li tagħti lura lis-soċjetà għandha fl-arrikkiment tal-individwi. Billi nipprovdu lill-impjegati tagħna ħin iddedikat biex jagħtu sehemhom fil-volontarjat, aħna qed nimmiraw li nagħmlu differenza pożittiva fil-komunitajiet li naqdu. Fl-istess waqt qed inrawmu sens ta’ kburija u sodisfazzjon fost l-impjegati tagħna u nikkultivaw forza tax-xogħol aktar ta’ kompassjoni.”

Ekonomija

Sport