Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Bank of Valletta nieda l-ewwel programm ta’ apprendistat fis-Self għan-Negozji għall-impjegati tiegħu. Din hija inizjattiva kruċjali, mfassla biex trawwem l-iżvilupp tat-talent, billi tagħti lill-impjegati l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jisbqu fil-funzjoni tal-kreditu tal-Bank, b’mod partikolari fil-qasam speċjalizzat ta’ self għan-negozji.
Dan il-programm huwa parti mill-impenn usà tal-Bank favur l-iżvilupp kontinwu tal-impjegati, appoġġjat mill-Akkademja tal-BOV, kif ukoll appoġġ wiesa’ meta wieħed ikompli l-istudji tiegħu ma’ korpi esterni f’livelli differenti.
Bħala parti mill-impenn kontinwu tal-Bank of Valletta għat-tagħlim u t-tkabbir professjonali, dan il-Programm jipprovdi lill-impjegati b’opportunitajiet għall-avvanz fil-karriera, u joffri trajettorji ċari minn rwoli ta’ dħul għal dawk aktar speċjalizzati.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Bank qed jinvesti fl-impjegati tiegħu, u jiżgura li jkollhom ir-riżorsi u l-appoġġ biex jirnexxu filwaqt li jikkontribwixxu għall-istrateġija tal-Bank immexxija mill-klijent.
Filwaqt li kien qed jindirizza lill-ewwel grupp ta’ parteċipanti, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank, Kenneth Farrugia enfasizza l-importanza ta’ dan il-pass, “Hekk kif aħna nkomplu nikbru u nespandu s-servizzi tagħna, b’mod partikolari fl-ispazju ta’ self għan-negozji, huwa essenzjali li ninvestu fin-nies tagħna.
Matul l-aħħar ħamsin sena, bnejna portafoll b’saħħtu ta’ 3.2 biljun ewro, immexxi mill-impjegati dedikati tagħna li jipprovdu soluzzjonijiet innovattivi lil klijenti korporattivi, dawk ta’ daqs medju, kif ukoll lil mikro-negozji. Dan il-programm se jiżgura li nkomplu nilħqu u naqbżu l-aspettattivi tal-klijenti billi nikkultivaw impjegati b’ħiliet ta’ livell għoli.”
Il-programm se jipprovdi taħriġ intensiv u prattiku għall-impjegati, u jiżgura li dawn ikunu ppreparati sewwa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-settur tas-Self għan-Negozji. B’enfasi kemm fuq l-iżvilupp personali kif ukoll fuq dak professjonali, il-parteċipanti se jieħdu sehem f’moduli ta’ taħriġ obbligatorji, evalwazzjonijiet, u esperjenza fuq il-post tax-xogħol, li jsibu l-qofol tagħhom f’opportunitajiet ta’ promozzjoni għal rwoli aktar avvanzati.
Simon Grech, Chief Commercial Officer, ikkummenta dwar l-importanza ta’ din l-inizjattiva biex ikunu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċja l-Bank. “F’dawn l-aħħar snin, konna qed niffaċċjaw sfidi fir-reklutaġġ ta’ talent ikkwalifikat għas-settur kummerċjali, qasam tekniku u speċjalizzat ħafna. Dan il-programm, żviluppat f’kollaborazzjoni mat-tim tagħna tal-People & Culture, huwa mfassal biex joħloq pipeline sostenibbli ta’ grupp ta’ nies imħejjija u kwalifikati. L-għan tagħna huwa li niżguraw li jkollna fluss kostanti ta’ talent lest biex jidħol f’dawn ir-rwoli kritiċi, filwaqt li nżommu l-pass mat-tkabbir fin-negozju tagħna.”
Ray Debattista, Chief People and Culture Officer żied jgħid, “Aħna impenjati li niżguraw li l-impjegati tagħna mhux biss ikunu mħarrġa iżda jsibu l-appoġġ kollu tagħna fil-vjaġġi professjonali tagħhom. Dan it-taħriġ jeħtieġ li jiġi kkomplementat b’mentoring fuq il-post tax-xogħol minn kollegi b’esperjenza. B’hekk dan il-programm huwa eżempju tal-istrateġija tagħna li nżommu n-nies l-ewwel. Din l-istrateġija hija konformi mal-għan usà tagħna li noħolqu kultura fejn l-impjegati jħossuhom apprezzati u kunfidenti.
Il-Programm ta’ Apprendistat fis-Self għan-Negozju huwa konformi mal-istrateġija tal-Bank li jkun il-post tax-xogħol tal-għażla għall-impjegati f’Malta.