Fis-summit tal-COP29 f’Baku, il-Ministru għall-Enerġija Awstraljan Chris Bowen faħħar it-twaqqif tal-Climate Action Authority (CAA) f’pajjiżna, u ddeskriva dan bħala “best practice” u l-ewwel waħda fl-Ewropa. “Nixtieq nifraħ lil Malta għall-inizjattiva ġdida tagħha, dik tal-Climate Action Authority,” stqarr Bowen waqt laqgħa organizzata minn Malta flimkien mal-Awstralja, u l-Emirati Għarab Magħquda. “Hija eżempju ta’ governanza tajba, turi serjetà u nemmen li l-kisbiet ta’ Malta u tal-Ministru Dalli jistħoqqilhom jiġu ċċelebrati.”
Id-delegazzjoni Maltija, immexxija mill-Ministru Miriam Dalli, enfasizzat il-progress ta’ pajjiżna fl-iżvilupp ta’ qafas ta’ governanza għall-azzjoni klimatika. Il-Ministru saħqet fuq l-importanza ta’ kollaborazzjoni bejn is-setturi u bejn il-pajjiżi biex nindirizzaw l-isfidi globali tat-tibdil fil-klima. “It-tibdil fil-klima hija kwistjoni globali urġenti li taffettwa lil kulħadd. Irridu nwieġbu b’mod magħqud u kuraġġuż.”
Il-laqgħa ffukat fuq l-isforzi ta’ Malta biex tintegra l-azzjoni klimatika f’kull aspett tal-governanza u tas-soċjetà. “L-azzjoni klimatika trid tkun prijorità ċentrali fl-aġenda nazzjonali ta’ kull pajjiż,” saħqet il-Ministru Dalli.
Malta qed tieħu passi ambizzjużi biex tisfrutta l-enerġija mir-riħ u mix-xemx barra mill-kosta. Inizjattivi bħall-kollaborazzjoni tal-MED9 jgħaqqdu disa’ pajjiżi Mediterranji tal-UE biex jagħmlu r-reġjun ċentru għall-enerġija nadifa.
Fiċ-ċentru tal-ħidma ta’ pajjiżna hemm il-Climate Action Authority, iddisinjata biex tgħaqqad il-gvern, is-settur privat, u s-soċjetà biex jintlaħqu l-miri ta’ dekarbonizzazzjoni sal-2050. “L-Awtorità ġdida tirrifletti din il-viżjoni. Se tmexxi l-policies u tgħaqqad is-setturi kollha biex jintlaħqu l-miri tagħna ta’ dekarbonizzazzjoni,” spjegat il-Ministru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-CAA, Abigail Cutajar, saħqet dwar lir-rwol tal-governanza u l-kollaborazzjoni biex tiġi indirizzata t-tibdil fil-klima. “Ir-responsabbiltà tagħna tmur lil hinn mil-leġiżlazzjoni. Irridu nikkonvinċu lill-awtoritajiet, l-organizzazzjonijiet, l-investituri, u ċ-ċittadini li l-ippjanar fit-tul jagħmel ġid lil kulħadd.”