Friday, April 19, 2024

“Il-Covid-19 kompla jġib il-ħajja diffiċli”

Omm taqsam realtà iebsa fejn għad hemm tfal morda bil-kanċer li ma jistgħux jaraw lil ħuthom u ġenitur

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ġenituri li jingħataw l-aħbar iebsa li l-wild tagħhom għandu kanċer iħossu dieqa indeskrivibbli u biżgħa kbira f’sitwazzjoni li m’għandhom ebda kontroll reali fuqha. Xi drabi anke jħossu sens ta’ ħtija fejn jistaqsu jekk setgħux għamlu xi ħaġa biex binhom jew binthom ma jiġrilhomx hekk.

Hekk ħassitha Marilyn Azzopardi, li ħajjitha nqalbet ta’ taħt fuq meta bintha Mireille bdiet tbati minn uġigħ ta’ ras qawwija u persistenti li rriżulta f’tumur f’rasha bi bżonn urġenti ta’ operazzjoni fir-Renju Unit. L-omm, li ħalliet kollox warajha għall-kura ta’ bintha, tgħidilna kif il-pandemija tal-Covid-19 kompliet iġġib il-ħajja diffiċli minħabba li la setgħu joħorġu u lanqas setgħu jidħlu jarawhom żewġha u ż-żewġ uliedha l-oħra minħabba l-periklu ta’ infezzjoni mill-virus meta bintha kienet fi stat tant vulnerabbli.

L-omm ta’ tlett itfal qalet li f’Novembru tal-2019, minn filgħodu kmieni, bintha l-kbira Mireille bdiet tilment b’uġigħ f’rasha. It-tifla kienet se tagħlaq 10 snin u għaldaqstant inizjalment it-tobba ħasbu li l-uġigħ kien minn tal-iżvilupp. “Ġara però li għal ġimgħatejn sħaħ it-tifla baqgħet tilmenta b’uġigħ f’rasha u anke ċempluli mill-iskola. Ħadtha l-emerġenza u sibt tabiba vera tajba li għall-bidu qatli l-istess ħaġa. Dan minħabba li fit-testijiet kollox kien jidher normali u qaltli li l-uġigħ f’rasha jista’ jkun kawża ta’ żvilupp kmieni,” bdiet tispjega l-omm.

Hija qalet li hawnhekk it-tabiba talbitha tniżżel id-dettalji ta’ kemm-il darba t-tifla tilmenta minn uġigħ f’rasha. Wara ġimgħa marru għal appuntament ieħor f’Mater Dei. Hawnhekk minħabba li Mireille batiet minn uġigħ ta’ ras kuljum u pjuttost qawwija, it-tabiba riedet teskludi kull possibbiltà u għaldaqstant iddeċidiet li jsir MRI.

Nefħa f’rasha li ma jafux x’inhija…

Marilyn qalet kif infermiera qaltilha biex nistenna f’kamra u minn hemm indunat. Wara ġiet ħdejha tabiba fejn infurmata li ma tistax tibgħat lil Mireille d-dar minħabba li għandha nefħa f’rasha u li ma jafux x’inhija.

L-omm spjegat kif dak il-ħin lanqas kienet taf x’inhuwa jiġri u li, “bdejt inħoss inċertezza kbira. Ippruvajt ma nibkix minħabba fiha… binti kienet verament maħsuda wkoll”. F’dan il-mument hija kienet waħidha minħabba li r-raġel kien qiegħed id-dar jistenna fuq ix-xwiek. 

“Lejl qabel morna l-Ingilterra għall-operazzjoni ġisimgħa kesaħ fuq in-naħa fejn kellha t-tumur” – Marilyn, omm tifla li kellha tumur f’moħħha

Lit-tifla sarulha aktar testijiet u sa dak il-mument din il-familja kienet għadha ma tafx li l-battalja tagħhom hija kontra kanċer. Kien meta marru f’Fairyland li t-tobba raw l-iscans u hawn ġie konkluż li t-tifla għandha tumur Stage 4 fuq naħa tal-moħħ. Dan it-tip ta’ kanċer, spjegat l-omm, is-soltu jaffettwa l-movimenti tal-ġisem tal-pazjent imma lil bintha m’affetwahiex u kien għalhekk li għall-bidu kien maħsub li kulma kellha kien tal-iżvilupp. 

L-omm stqarret li, “ikollok dispjaċir kbir u tistaqsi xi stajt nagħmel biex it-tifla ma jkollhiex hekk. Staqsejt lill-professur x’għamilt ħażin imma qalli li dawn mhumiex affarijiet ta’ tort. Qalli li dawn huma affarijiet li m’għandniex kontroll aħna… Imma bla ma trid tistaqsi. L-ewwel ħaġa li kien qalli t-tabib kienet li għalkemm kien Stage 4, jien indunajt u ħadt azzjoni mill-ewwel meta ħadtha għand tabib”.

F’dawk il-mumenti ta’ xokk kbir, biżgħa u inċertezzi, din il-familja kellha aħbar oħra inkwetanti minħabba li Mireille ma setgħetx titla’ fuq ajruplan għax kien hemm pressjoni ta’ ilma li trabbhielha f’moħħha. Fl-istess ħin, it-tumur kellu bżonn urġenti li jitneħħa iżda kien hemm riskju kbir li jekk titla’ fuq ajruplan, iżżid il-pressjoni f’moħħha ma’ dik li diġà kellha kkawżata mill-ilma li trabba.

“L-operazzjoni kienet waħda urġenti ħafna. Għamlu kuntatt ma’ professur barra biex jaraw kif se jagħmlu. Kien għalhekk li tawha l-isterojdi ħalli jniżżlu l-volum tal-ilma. Mill-iscans imbagħad raw li l-ilma niżel u jumejn wara tellgħuha l-Ingilterra,” spjegat Marilyn. 

Maltempata fi ftit ġranet

L-omm qaltilna kif dan kollu seħħ f’temp ta’ ftit ġranet. Fi żmien jumejn fil-fatt saret taf li se jsiefru lil bintha għall-operazzjoni tant delikata. It-tifla kienet qiegħda tkun għajjiena ħafna u l-lejl qabel telgħet fir-Renju Unit, it-tabiba bdiet tibża’ minħabba li ġisem Mireille kesaħ fuq in-naħa fejn kellha t-tumur. 

Marilyn irrakkontat kif, “bdiet tiggrava minn siegħa għall-oħra. Sarilha passaport urġenti u t-Tnejn filgħodu, akkumpanjata minn infermiera minħabba l-kundizzjoni serja tagħha, ittieħdet b’ambulanza fuq ajruplan li ħadna Londra”. It-tifla ddaħħlet fi Great Ormond Street Hospital, li huwa sptar kbir b’sezzjoni speċjali għal operazzjonijiet fuq it-tfal. Tul it-titjira l-omm tiftakar kemm talbet biex kollox imur b’wiċċ il-ġid u li binthta tasal l-isptar tajjeb.

Mal-wasla bdew sensiela ta’ testijiet oħra u fi żmien jumejn operawha. F’operazzjoni ta’ 10 sigħat neħħulha tumur minn moħħa b’daqs ta’ 3.5mm u 5.5mm. Mistoqsija kif ħassitha hija u tistenna l-eżitu tal-operazzjoni, l-omm qalet li dak il-ħin tħoss biżgħa kbira. Fortunatament l-operazzjoni kienet suċċess u t-tumur tneħħa kollu. 

L-omm, li telqet l-impjieg tagħha u liż-żewġt itfal l-oħra biex issegwi l-kura ta’ bintha, qalet li, “dak il-ħin ħassejt piż kbir jitlaq minn fuqi u bdejt inħoss li fl-aħħar stajt nibda nħares ‘il quddiem. Dak il-lejl tal-operazzjoni ma kelmitnix u għamlet jumejn fl-ITU imma wara jumejn bdiet tiġi f’tagħha. L-ewwel ħaġa li staqsietni kienet fejn huwa missierha għax kienet taf li kien qiegħed hemm magħna”.

Fis-sigħat ta’ wara l-operazzjoni t-tifla kienet miġugħa anke għall-fatt li kellha 28 punt f’rasha. Minkejja dan ommha ddeskriviet lil Mireille bħala tifla kuraġġjuża ħafna, li ma tagħmilx l-affarijiet bil-kbir u li hija persuna pożittiva għall-aħħar. L-omm qalet li liż-żewġt itfal l-oħra, ħut Mireille, kienet tkellimhom ta’ kuljum u li, “għalkemm jgħidulek li jinsabu tajba, ma jurux li jkunu inkwetati ħafna. Iż-żgħir nett għandu inqas sens imma ibni ta’ seba’ snin huwa sensittiv ħafna u kien qiegħed iħossha ħafna aktar. Fil-fond ta’ qalbhom ikunu qegħdin jinkwetaw”.

Wara l-ITU Mireille u ommha għamlu tmint ijiem oħra fl-isptar u tul dan il-perjodu ma setgħux joħorġu minħabba l-pandemija. It-tumur li tneħħa fl-intervent intbagħat f’laboratorju u minħabba li r-riżultati kienu se jdumu 15-il ġurnata biex joħorġu, il-familja ddeċidiet li tinżel ftit Malta li ħabat tajjeb għax kien il-perjodu festiv tal-Milied.

Meta telgħu lura l-Ingilterra t-tifla kellha bżonn ta’ 30 ġurnata raġġi u dan kien jirrikjedi li ta’ kuljum minn Satton jivjaġġaw lejn Londra. Hija qalet li minkejja qatt ma kienu laħqu jidħlu Rainbow Ward, “Puttinu Cares” kienu għamlu kuntatt magħhom u pprovdewlhom akkomodazzjoni. 

“Ikkuntatjatni awtomatikament Angele u tawna ċavetta għal appartament f’Sutton. Dan għalina kien ifisser ħafna għax ma tkunx taf kemm se ddum barra u almenu hekk taf li għandek fejn torqod u taħsel il-ħwejjeġ. Hija tassew aħbar tajba u pass kbir li issa “Puttinu Cares” se jkollu appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra għax b’dan il-mod, jonqos l-iskariġġ ta’ vjaġġar,” spjegat din l-omm.

“Ġo moħħok tibqa’ l-biżgħa”

Meta tingħata l-aħbar li operazzjoni serja bħal din tkun irnexxiet, żgur li tħoss ferħ kbir u tama ġdida għall-futur. Marilyn, li għaddiet minn din esperjenza bil-marda li laqtgħet lil bintha qaltilna li wara xorta waħda tibqa’ dik il-biżgħa u sens ta’ inċertezza għal x’se jiġri wara. Qalet li wara l-operazzjoni jkun hemm bżonn ta’ ħafna aktar trattamenti li jibqgħu jsiru għal żmien pjuttost twil. 

Wara madwar erba’ xhur barra minn xtutna, l-omm u l-bint irritornaw Malta għal sessjonijiet tal-kimoterapija li kienu ppjanati li jdumu disa’ xhur. Wara tliet ġimgħa waqfa, Mireille daħlet f’Rainbow Ward u bdiethom. “L-ewwel ftit xhur kienu iebsin ħafna. Il-Covid-19 kompla jġib il-ħajja diffiċli għax lanqas stajna noħorġu. Jien iddeċidejt li nibqa’ magħha. Li tkun taf li ma tistax toħroġ diġà hija kerha… Fil-bidu t-tfal ikunu għajjenin ħafna u ma tkunx taf kif se jirrispondu għat-trattament. Għad hemm tfal li ma jistgħux jaraw lil ħuthom jew lil ġenitur għax minħabba l-pandemija dawn ma jistgħux jidħlu ħdejhom,” qalet imnikkta l-omm.

Il-kimo terapija kiddet mhux ħażin liċ-ċkejkna Mireille minħabba li kellha dardir kbir fl-istonku. Hija ma bdietx tiekol minħabba li nqatgħelha l-aptit u kien għalhekk li sarilha intervent żgħir biex iwaħlulha PEG – pajp apposta li minnu setgħu jgħaddulha n-nutrijenti li jkollha bżonn minflok l-ikel. Barra minnhekk, bil-għan li jiffrankawlha ħafna wġigħ, għall-kimo terapija għamlulha pajp irqiq ieħor biex il-kimika tgħaddi minnu minflok qagħdu jtaqbuha kull darba.

Ftit ftit Mireille bdiet tħossha aħjar u f’Lulju tal-2020 setgħu jibdew joħorġu mis-sala tal-isptar sakemm fl-aħħar, intbagħtet id-dar. Hija bdiet tmur l-isptar biss kull meta kien imissha sessjoni ta’ kimo terapija. “Spiċċajna disa’ xhur wara, f’Jannar 2021. Tul il-kimo terapija kienu jsirulha testijiet apposta u fl-aħħar, dawn urew t-tifla kienet tajba,” qalet bi tbissima l-omm. 

Marilyn spjegat li sa ħames snin wara, persuna ma tistax tgħid li hija ħielsa mill-kanċer. Mireille se tkun qiegħda tagħmel testijiet oħra fosthom MRI biex jiċċekkjaw ukoll li, peress li t-tumur kien fil-moħħ, dan jista’ jaffettwa ċelloli oħra fosthom dawk tal-iżvilupp. 

Illum il-ġurnata ħajjithom bdiet tiġi lura għan-normal u Mireille anke bdiet tattendi l-iskola fiżikament. L-omm saħqet li f’ċirkostanzi bħal dawn persuna trid tibqa’ tħares ‘il quddiem u mhux lura u fl-istess ħin trid tibqa’ tittama li r-riżultati jkunu tajbin. 

“Din hija sitwazzjoni iebsa ħafna, anke biex taċċettaha. Imma, jekk ma taċċettahiex, se jkun diffiċli aktar għat-tfal. It-tfal jaċċettaw aktar malajr mill-kbar u huma kuraġġużi ħafna,” sostniet Marilyn. Il-messaġġ tagħha għal min jinsab f’sitwazzjoni simili huwa – “toqogħdux tgħidu għal x’hiex jien għax se tbatu intom u t-tfal. It-tfal huma b’saħħtihom”.

Hawnhekk hija talbet għal aktar rispett u ħsieb fil-kummenti li jsiru fosthom għala tifla żżomm xaharha qasir. “Xi kultant aħjar kelma inqas milli waħda żejda għax il-bniedem ma tkunx taf minn x’hiex huwa għaddej,” temmet Marilyn.

Sport