Tuesday, May 5, 2026

Il-Eurostat jikkonferma li Malta b’fost l-orħos prezzijiet tal‑elettriku fl‑Ewropa

Aqra wkoll

L‑aħħar statistika dwar il‑prezzijiet tal‑elettriku, ippubblikata mill‑Eurostat għat‑tieni nofs tas‑sena 2025, tikkonferma li l‑familji Maltin għadhom igawdu minn prezzijiet tal‑elettriku ferm aktar baxxi meta mqabbla mal‑bqija tal‑pajjiżi Ewropej.

Meta l‑prezzijiet tal‑elettriku jitkejlu skont l‑Istandard tal-Kapaċità għall-Infiq (Purchasing Power Standards – PPS), Malta tikklassifika fl‑ewwel post fl‑Unjoni Ewropea bħala l‑pajjiż bl‑inqas piż fuq il‑familji. 

Malta hija l-aktar affordabbli wara li jitqies d-dħul tal-familji u l-għoli tal-ħajja, meta mqabbla ma’ livelli ferm ogħla f’pajjiżi bħar-Rumanija u r-Repubblika Ċeka, li huma kważi tliet darbiet għola. Dan jikkonferma li l-prezzijiet tal-elettriku jibqgħu fost l-orħos għall-familji Maltin.

Meta kkummentat dwar din l‑istatistika, il‑Ministru għall‑Ambjent, l‑Enerġija u l‑Indafa Pubblika, Miriam Dalli, qalet: “L‑istabbiltà fil‑prezzijiet tibqa’ prijorità għalina għax tagħti ċertezza lill‑familji u lin‑negozji fil‑ħajja ta’ kuljum tagħhom. Fi żmien meta ħafna pajjiżi Ewropej qed jiffaċċjaw żidiet qawwija u instabbiltà fil‑prezzijiet tal‑enerġija, Malta rnexxielha żżomm il‑prezzijiet tal‑elettriku stabbli. Dan jirrifletti l‑viżjoni fit‑tul tagħna dwar l‑enerġija, li tiffoka fuq il‑ħarsien tal‑konsumaturi filwaqt li se nibqgħu ninvestu f’sorsi ta’ enerġija aktar nodfa u sostenibbli.”

Id‑data tal‑Eurostat turi wkoll li, minn mindu bdiet is‑sena 2020, diversi pajjiżi Ewropej esperjenzaw żidiet sinifikanti fil‑prezzijiet tal‑elettriku. Malta, madankollu, irnexxielha tevita dawn iż‑żidiet fil-prezzijiet, u dan juri kemm il‑qafas nazzjonali tal‑enerġija huwa b’saħħtu, kif ukoll l‑enfasi fuq ippjanar fit‑tul.

Din l‑istatistika qed terġa’ tikkonferma l‑impenn kontinwu tal‑Gvern li jħares lill‑konsumaturi, jappoġġja l‑attività ekonomika u jsaħħaħ is‑sigurtà tal‑enerġija, anke fid‑dawl tal‑pressjonijiet ġeopolitiċi fuq is‑suq tal‑enerġija li bħalissa qed jaffettwaw lill‑Ewropa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport