Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali ħabbar li qed jalloka art f’Ħal Farruġ sabiex jappoġġja lill-Malta Dairy Products Ltd fil-pjan tagħha biex tiżviluppa faċilità moderna għall-ipproċessar tal-ħalib. Dan jikkonferma l-impenn tal-Gvern favur settur agrikolu u agroalimentari aktar modern, sostenibbli u kompetittiv.
L-investiment f’dan il-proġett jmur lil hinn mill-infrastruttura u jħares lejn il-futur tas-settur u l-bdiewa Maltin u se jikkontribwixxi biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-ikel, jiżdied il-valur tal-prodott Malti u tkompli tissaħħaħ is-sostenibbiltà tas-settur tal-ħalib.
Il-Gvern qed jalloka art apposta sabiex fuqha tinbena din il-faċilità ġdida, li se tipproċessa l-ħalib lokali pprovdut mir-raħħala Maltin u Għawdxin fi prodotti varji tal-ħalib. Il-Gvern qed jintrabat ukoll li jestendi l-kirja tas-sit eżistenti fil-Ħamrun sakemm il-faċilità l-ġdida tkun lesta u operattiva, sabiex tiġi żgurata kontinwità fil-produzzjoni u fl-operat mingħajr interruzzjonijiet.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li dan il-proġett huwa pass kruċjali lejn settur tal-ħalib aktar modern, kompetittiv u sostenibbli, li jkompli jsaħħaħ il-katina agroalimentari Maltija u jżid il-valur tal-produzzjoni lokali. Huwa saħaq li din l-inizjattiva hija eżempju ċar ta’ kif il-Gvern qed jaħdem id f’id mal-industrija biex jinħolqu opportunitajiet ġodda u tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur agrikolu.
Huwa rrikonoxxa l-ħidma tal-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib Group Ltd li tirrapreżenta lir-raħħala produtturi tal-ħalib f’Malta u Għawdex u lill-Malta Dairy Products Ltd għall-viżjoni u l-impenn tagħhom, kif ukoll lill-entitajiet kollha involuti sabiex dan il-proġett importanti jsir realtà. “Din l-opportunità se tgħin biex il-Koperattiva flimkien mal-Malta Dairy Products jagħmlu l-pass li jmiss sabiex inkomplu insostnu dan is-settur daqshekk importanti għal Malta. Il-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jsaħħaħ l-agrikoltura Maltija u jappoġġja lill-produtturi lokali b’mod konkret u sostenibbli,” temm jgħid il-Ministru Refalo.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Dairy Products Ltd, Alex Briffa qal li din hija opportunità importanti għall-Malta Dairy Products biex jimxu ’l quddiem b’mod responsabbli. Huwa spjega li bħalissa għaddejjin bl-istudji sabiex jassiguraw li l-investiment ikun sostenibbli fit-tul. “Il-mira tagħna hija ċara, li nappoġġjaw lir-raħħala u nkomplu nagħtu lill-konsumaturi prodotti li jistgħu jafdaw fuqhom kuljum,” temm jgħid is-Sur Briffa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib Group Ltd (KPH), Philip Agius qal li l-għan ewlieni tal-Koperattiva huwa li taħdem biex issostni l-iżvilupp tas-settur tal-ħalib Malti u biex tappoġġja l-għixien tar-raħħala Maltin u Għawdxin. “Aħna nemmnu bi sħiħ li s-settur tal-ħalib lokali huwa essenzjali għas-sigurtà tal-ikel għax il-ħalib frisk prodott lokalment jiżgura sors stabbli u konsistenti ta’ nutrizzjoni essenzjali,” sostna s-Sur Agius.


