Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela żaret il-kumpanija Maltija Thermoplastics Ltd li tispeċjalizza fil-manifattura ta’ prodotti tal-plastik għal firxa wiesgħa ta’ klijenti lokali u internazzjonali fis-setturi tal-karozzi, tat-teknoloġija u tal-kostruzzjoni.
Milqugħa mit-tmexxija tal-kumpanija, Dr Abela setgħet tara l-progress li għamel dan in-negozju tul l-aħħar tlett deċenji u ngħatat dettalji dwar il-pjan ambizzjuż għal iktar investiment fil-futur. Mart il-Prim Ministru kellha l-opportunità li tkun viċin l-impjegati tal-kumpanija u tisma l-esperjenzi tagħhom fuq il-post tax-xogħol.
Dr Abela qalet li huwa ta’ sodisfazzjon li kumpanija qed timmarka tletin sena ta’ ħidma, kemm f’pajjiżna kif ukoll lil hinn minn xtutna.
Mart il-Prim Ministru nnutat l-impenn tal-kumpanija toffri lill-ħaddiema biex ikomplu jtejbu l-ħiliet tekniċi tagħhom u javvanzaw fil-karriera. Żiedet tgħid li l-kontribut tal-ħaddiema Maltin huwa fundamentali għas-suċċess ta’pajjiżna.
“Bil-bżulija tal-ħaddiema, is-suq tax-xogħol ingħata spinta ’l quddiem fl-aħħar snin u, minkejja l-isfidi internazzjonali, illum pajjiżna huwa mudell fl-investiment ta’ kwalità li se jkompli joħloq iktar xogħol għaż-żgħażagħ Maltin”, qalet Dr Abela.
Filwaqt li ħeġġet lill-ħaddiema biex ikomplu jisfruttaw it-talenti tagħhom u jirnexxu fil-professjoni, mart il-Prim Ministru għaddiet ukoll messaġġ favur il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. Qalet li huwa pożittiv li pajjiżna, bil-Gvern u n-negozji flimkien, qiegħed jimxi fid-direzzjoni fejn il-ħaddiema jimirħu fil-karriera u jkollhom ukoll iktar ħin mal-familja.
“Nistgħu nimxu f’din it-triq għaliex għandna ekonomija b’saħħitna li tippermettilna nidħlu fil-kapitlu li jmiss fejn nindirizzaw ir-realtajiet il-ġodda tal-Maltin u l-Għawdxin”, temmet tgħid Dr Abela.
Din iż-żjara saret wara li komplew jitħabbru iktar proposti mill-manifest ‘Int Malta’ immirati biex joħolqu u jqassmu iktar ġid lill-ħaddiema u lin-negozji biex tkompli tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.


