Tuesday, May 5, 2026

Il-Prim Ministru jinawgura l-fast ferry bejn Tas-Sliema, Buġibba u Għawdex

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru dalgħodu f’Buġibba nieda servizz ġdid ta’ fast ferry li se jkun qiegħed jopera bejn Tas-Sliema, Buġibba u Għawdex.

Waqt li kien qiegħed jindrizza konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru qal li din it-tnedija ta’ dan is-servizz timmarka kapitlu ieħor fl-istorja tat-trasport bil-baħar fil-pajjiż.

Qal li dan hu parti oħra mill-pjan tal-Gvern “Malta in Motion” li għandu l-għan li l-pajjiż ikollu trasport tal-massa b’mezzi differenti u li jikkumplimentaw lil xulxin.

Il-Prim Ministru Abela qal li dan is-servizz li se jkun issusidjat wettaq fi żmien miftiehem. Qal li dan is-servizz se jibda jopera b’infrastruttura li fissirha tal-ogħla livell. B’dan il-mod qal il-Prim Ministru jkompli jżid il-kredibbilità tal-Partit Laburista fil-Gvern li jwettaq dak li jwiegħed. 

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru qal li s-sena l-oħra bejn il-Belt Valletta u Għawdex, il-fast ferry ġarr miljun u 25,000 passiġġier.  Qal li dan serva ta’ xprun biex b’servizz ġdid u b’rotta kompletament ġdida titkompla titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq tal-pajjiż.

L-istess konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata mill-Ministru għat-Trasport Chris Bonnet fejn qal li dan is-servizz il-ġdid hu eżempju ċar tal-politika tal-Gvern għat-trasport f’pajjiżna. Qal li l-politika tal-Gvern ma twegħidx kollox f’daqqa u ma tbigħx ħolm li ma jistax jitwettaq iżda li tagħżel soluzzjonijiet li jistgħu jsiru u li dawn jitwasslu lin-nies.

Il-Ministru Bonnet ħabbar li mas-servizz ġdid tal-fast ferry qed jibda servizz ieħor ġdid dak ta’ bus ċirkolari f’Buġibba.

Intant, il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Kurt Farrugia stqarr li dan is-servizz tat-trasport pubbliku bil-baħar jagħti għażla ġdida lil kull min jivvjaġġa. Fisser dan is-servizz bħala wieħed komdu, veloċi u mingħajr stress, u qal li hu xhieda li l-pjan ta’ 15-il sena, Malta in Motion, għandu soluzzjonijiet li jagħmlu sens mil-lum.

Preżenti għat-tnedija tas-servizz anki l-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport