Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia tilfet żewġ kawżi separati fil-Qorti tal-Appell fil-konfront tal-Avukati Chris Cardona u Joseph Gerada, liema każi jmorru lura għall-2017.
Fil-Qorti ingħad li fl-istess sena, l-Avukat Chris Cardona u l-Avukat Joseph Gerada kienu fetħu libelli kontra l-istess Caruana Galizia wara sensiela ta’ allegazzjonijiet malafamanti li għamlet dwarhom fuq il-blog tagħha.
F’Ottubru tal-istess sena, jiġfieri ftit wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-libelli twaqqgħu mill-Avukati stess bħala turija ta’ rispett lejha u lejn il-familja Caruana Galizia.
Minkejja dan, wara l-azzjoni minn jeddhom tal-avukati, il-familja Caruana Galizia rrikorriet b’kawżi għad-danni kontrihom fejn intalbu jħallsu eluf ta’ ewro kull wieħed.
Fl-appell kontra Dr Chris Cardona, il-Qorti, fid-deċiżjoni tagħha, qalet li qiegħda tastjeni milli tieħu konjizzjoni ulterjuri tat-talbiet li għamlet il-familja Caruana Galizia u ddeċidiet li tikkonferma l-ewwel sentenza u tiddisponi mill-appell minħabba li l-mandat kawtelatorju inkwistjoni ma kienx għadu fis-seħħ.
Fl-appell, li fetaħ Dr Joseph Gerada wara li l-ewwel Qorti ddeċidiet kontrih, il-Qorti tal-Appelli tatu raġun u rrevokat d-deċiżjoni inizjali fl-intier tagħha, bir-raġuni tkun li l-proċedura, li rrikorriet għaliha l-familja Caruana Galizia, ma kinitx korretta u allura t-talbiet tagħhom qatt ma setgħu jintlaqgħu.