Thursday, April 18, 2024

Il-Finlandja u l-Iżvezja, in-NATO u Putin

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Nhar l-Erbgħa li għadda, il-Finlandja u l-Iżvezja applikaw formalment sabiex jingħaqdu man-NATO. Mingħajr dubju ta’ xejn, din id-deċiżjoni ta’ dawn iż-żewġ pajjizi Nordiċi, li t-tnejn li huma ilhom snin twal jaddotaw politika internazzjonali bbażata fuq n-newtralità, kienet influwenzata mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.

B’mod immedjat, il-gvern Russu, permezz tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, iddikjara li d-deċiżjoni ta’ dawn il-pajjiżi li jingħaqdu ma’ din l-għaqda militari li kienet ġiet iffurmata lura fl-1949 sabiex tkun ta’ deterrent għall-aggressività tal-Unjoni Sovjetika, li kienet immexxija mill-istess Russja, bħala wahda li jaf ikollha konsegwenzi koroh għal dawn iż-żewġ pajjiżi.

Minkejja li ħafna ħasbu li din l-applikazzjoni kienet sejra tiġi milqugħa b’mod immedjat mit-tletin pajjiż li jiffurmaw n-NATO, qiegħed jirriżulta li jaf ikun hemm l-intoppi minn wieħed mill-membri.

Il-politika internazzjonali tal-Finlandja u tal-Iżvezja

Kif diġà għedna fl-introduzzjoni, dawn iż-żewġ pajjiżi ilhom snin twal jaddottaw politika ta’ newtralità fil-konfront ta’ pajjiżi oħra. 

Minkejja li l-Finlandja kienet iġġieldet kontra l-Unjoni Sovjetika ta’ Stalin matul it-Tieni Gwerra Mondjali, matul il-gwerra il-bierda, kienet waqgħet taħt l-influwenza tal-istess Unjoni Sovjetika. Però, mal-waqgħa tal-Kommuniżmu, dan il-pajjiż li għandu fruniera ta’ xejn inqas minn 1300-il Kilometru mar-Russja, minn dejjem qagħad attent ħafna li ma jiksirhiex mar-Russja. Dan minkejja li issa l- Finlandja ilha sa mill-1994 li ssieħbet mal-Unjoni Ewropea u addottat politika fuq mudell tal-pajjiżi tal-punent.

Fil-każ tal-Iżvezja, dan il-pajjiż ta’ madwar 10 miljun ruħ ilu aktar minn mitejn sena jaddotta politika ta’ newtralità. L-iżvezja għandha parti mill-fruntiera tagħha sseparata mir- Russja permezz tal-Baħar Baltiku.

Minkejja li dawn iż-żewg pajjiżi kienu fuq il- karta newtrali, issa ilhom is-snin jikkolaboraw man-NATO. Dan ma jnaqqasx l-importanza tal-fatt li dawn iż-żewġ popli, wara dawn is-snin kollha, ddeċidew li jagħmlu dan il-pass.

Stħarriġ politiku li sar fil-bidu ta’ dan ix-xahar juri li fil-Finlandja hemm kważi tmenin fil-mija tan-nies li bħalissa jixtiequ li pajjiżhom jissieħeb man-NATO. Stħarriġ simili li sar ġewwa l-Iżvezja wkoll wera li hemm maġġoranza qawwija favur li pajjiżhom jissieħeb ma din l-għaqda militari. Wara din id-deċiżjoni ta’ dawn iż-żewġ popli li jibdlu b’ mod drastiku il-mudell tal-politika internazzjonali tagħhom, hemm il-ħtieġa tal-wens tal-famuż Artiklu 5 tat-Trattat tan-NATO, artiklu li permezz tiegħu l-membri jintrabtu li jikkunsidraw attakk militari fuq wieħed minnhom bhala attakk fuqhom ilkoll u  jikkommettu ruħhom li jidħlu għal xulxin f’każ ta’ attakk simili.

Kemm ser idumu sabiex isiru membri?

Sabiex pajjiż jissieħeb man-NATO jrid ikun demokrazija u jkollu ekonomija bbażata fuq il-suq ħieles. Irid ikun ukoll kapaci jikkontribwixxi militarment ġewwa l-istess għaqda. 

Kemm il-Finlandja kif ukoll l-Iżvezja jissodisfaw dawn il-kriterji. Fil-każ tal-Iżvezja, sħubija tagħha tagħmilha aktar faċli għall-membri preżenti tan-NATO sabiex dawn jixtru l- armanenti li jiġu mmanifatturati ġewwa dan il-pajjiż. Filwaqt li l-Finlandja diġà hija konformi mar- regoli tan-NATO rigward il-persentaġġ tal-baġit tagħha li digà huwa  ddedikat għall-armata, l-Iżvezja mistennija tilħaq il-mira rikjesta ta’ 2% minn nefqa kapitali tagħha li tkun ddedikata għad-difiza fi żmien ħames snin.

Sabiex pajjiż jiġi aċċettat fi ħdan in-NATO irid ikun hemm qbil unanimu bejn it-tletin membru eżistenti. Huwa propju hawn li hemm l-ewwel intopp għas-sħubija ta’ dawn iż- żewġ pajjiżi Nordiċi. Dan ghaliex it-Turkija qalet li sabiex tivvota favur, kemm il-Finlandja kif ukoll l-Iżvezja jridu jifqu jagħtu l-appogg lil Kurkish Workers Party jew kif inhu magħruf aħjar bħala l-PKK, li skont il-gvern Tork huwa għaqda terroristika. 

Din mhix l-ewwel darba li t-Turkija użat din it-tattika fin-NATO. Fil-fatt, lura fl-2019, fis-summit tan-NATO ta’ dik is-sena, it-Turkija kienet qalet li ma kinetx sejra tivvota favur żieda fil-fondi militari għall-pajjiżi Baltici li huma membri kif ukoll għall-Polonja, theddida li eventwalment kienet irtirata wara numru ta’ negozjati mall-Gvern Tork.

Esperti tal-politika internazzjonali qegħdin jgħidu li l-dawn iż-żewġ pajjiżi jafu jieħdu bejn ħames xhur u tmintax-il xahar sabiex isiru membri tan-NATO.

Ir-reazjoni tar-Russja?

Naturalment ir- Russja ma ħadet xejn pjaċir bid-deċiżjoni li ħadu dawn iż-żewg pajjiżi, speċjalment mill-Finlandja li ilha minn żmien l-Unjoni Sovjetika tiġi meqjusa bħala alleata ta’ Moska. 

Minkejja d-dikjarazzjoni tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu li semmejna fl-introduzzjoni, ftit hemm ċans li r- Russja tirritalja militarment kontra l-Finlandja u l-Iżvezja, minħabba li ma taffordjax li tiġġieled gwerra fuq aktar minn front wieħed.  Bl-istess argument, huwa proprju għalhekk li dawn iż-żewġ pajjiżi ħadu din l-opportunità li r-Russja qiegħda ffukkata fl- Ukrajna sabiex jissieħbu man-NATO. Għalihom dan jaf jiggarantixxi aktar sigurtà fiż-żmien meta r- Russja tkun irkuprat mill-gwerra tal-Ukrajna.

Dan kollu huwa kkonfermat minn dak li qal il- Prim Ministru Finlandiz Sauli Ninistro, rigward telefonata li kellu ma Vladimir Putin wara li pajjiżu ħabbar li se japplika sabiex jissieħeb man-NATO. Skont il-Prim Ministru Finlandiz, Putin kellmu bil-kelma t-tajba u qallu li għar-Russja ma għandhiex tkun daqshekk problema li l-Finlandja u l-istess Żvezja jissieħbu man-NATO sakemm ma jiġux installati xi armamenti Amerikani fit-territorji tagħhom.

Meta wieħed jara l-kobor tal-fruntiera ta’ bejn il-Finlandja u r- Russja  ma jistax ma jistaqsix x’inhi d-differenza bejn l-Ukrajna u l-Finlandja meta wieħed iqis li Putin kien qal li r-raġuni għalfejn attakka lill-Ukrajna kienet li ma jridx lin-NATO qrib tiegħu. Dan juri li r-raġuni vera għall-invażjoni tal-Ukrajna ġejja mill-fatt li għar-Russi, l-Ukrajna għandha importanza kulturali u reliġjuża, kif fuq kollox konna rajna f’artiklu preċedenti ġewwa din il-paġna. Minbarra f’hekk, Putin minn dejjem qal li għalih l-Ukreni huma Russi wkoll, ħaga li żgur qatt ma qal għall-Finlandiżi u l-Iżvediżi.

Minkejja dan kollu, mhix se tkun ħaġa faċli għal Putin li jikkonvinċi lill-poplu Russu li permezz tal-gwerra tal-Ukrajna huwa kien qiegħed ibiegħed lin-NATO mill-konfini Russi. Anzi, issa permezz ta’ dan l-iżvilupp li sar mill-Finlandja u l-Iżvezja, Putin ressaq aktar lin-NATO lejn r-Russja għax meta l-Finlandja issir uffiċjalment membru tan-NATO, il-fruntiera tal-pajjiżi membri mar-Russja sejra tkun irduppjata. 

Ekonomija

Sport