Saturday, May 18, 2024

Il-FKNK tniedi logo ġdid u manifest dwar it-triq ‘il quddiem tagħha

Aqra wkoll

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) llum nediet logo ġdid u pubblikazzjoni biex tippromwovi t-triq ‘il quddiem tal-Federazzjoni wara 48 sena ta’ storja.

Fi kliem il-President tal-FKNK, Lucas Micallef, “Għaldaqstant nippreżentawlkom l-emblema l-ġdida tal-FKNK. Fejn dawk l-għanijiet prinċipali li twieldu ‘l fuq minn 48 sena ilu, illum baqgħu rappreżentati fl-emblema il-ġdida tal-FKNK; fejn naraw il-kaċċatur, in-nassab u l-ambjent naturali ta’ madwarna – b’mod modern, serju u unit addatat għaż-żminijiet preżenti. B’hekk inħaddnu assikurazzjoni li dak li qed nagħmlu llum, ikun preżentat bl-aktar mod korret biex niżguraw futur xieraq lil ġenerazzjonijiet ġejjiena.  Flimkien mal-emblema tagħna, qed nippreżentaw pubblikazzjoni bl-isem ta’ ‘48 Sena ta’ Storja – Viżjoni għall-Ġejjieni’ – Manifest li jservi bħala dikjarazzjoni tal-intenzjonijiet, il-motivazzjonijiet, u l-fehmiet tal-Federazzjoni bħala bażi soda biex nassiguraw futur xieraq għall-komunità tagħna u l-ambjent ta’ madwarna.”

Wara t-tnedija, l-FKNK laqgħet tliet organizzazzjonijiet ġodda fi ħdan il-membri Affiljati tagħha, Wild Game Target Club; Maltese Association of Target Shooters & Arms Collectors; u On Target Shooting Club. Dawn jingħaqdu mal-Membri Affiljati l-oħra tal-FKNK, Malta Falconers Club; Malta Taxidermy Federation; Executive Guns & Ammo Club; u Shooting and Firearms Enthusiasts (SAFE) Club.

Fl-aħħar nett, il-FKNK ippreżentat tokens ta’ servizz fit-tul biex tirringrazzja lil żewġ ex-Membri tal-Kunsill tal-FKNK li taw aktar minn 30 sena ta’ servizz volontarju lill-FKNK kull wieħed, b’determinazzjoni u passjoni kbira u ġenwinità li wasslu għall-pożizzjoni ta’ rikonoxximent sod li tgawdi l-FKNK illum. Ir-responsabbiltajiet tas-Sur Charles Gaffiero matul is-snin kienu jinkludu uffiċjal tal-midja u fotografu uffiċjali tal-FKNK, filwaqt li s-Sur Joseph Buttigieg kellu l-karigi uffiċjali ta’ Viċi President u President fost oħrajn, u għadu attiv sal-lum bħala Chairman tas-sotto-kumitat tal-FKNK, Il-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Pubbliċi u Edukazzjoni (KRPE).

Sport