Tristan B allegatament ffroda €5,500 mingħand ġenituri li kienu żammew il-flus għall-kremazzjoni ta’ binthom

Mara li tilfet lil bintha f’inċident rrakkontat kif l-akkużat, magħruf bħala Tristan B, allegatament ħa €5,500 minn flus li kienet żammet għall-kremazzjoni ta’ bintha

Aqra wkoll

L-eks kantant Emanuel Balzan, magħruf bħala Tristan B qiegħed jaffaċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus, frodi, misapproprjazzjoni u falsifikazzjoni b’rabta ma’ somma ta’ madwar €912,000.

Balzan, ta’ 49 sena, huwa akkużat li wara li ħareġ mill-ħabs sitt snin ilu reġa’ daħal fi skemi ta’ frodi, allegatament billi uża dokumenti ffalsifikati biex jikkonvinċi tmien persuni u kumpaniji jagħtuh il-flus.

Dakinhar tal-preżentata, l-akkużat wieġeb mhux ħati quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace. Meta mistoqsi hux ħati inizjalment qal li ried jammetti l-akkużi u jibda jiskonta s-sentenza. Però, wara li kkonsulta mal-avukat tiegħu, Balzan wieġeb mhux ħati. 

Is-seduta nhar l-Erbgħa filgħodu bdiet bl-ewwel xhieda ta’ mara, li stqarret li tilfet lil bintha f’inċident fl-2024, u spjegat kif l-akkużat kien daħal f’ħajjitha wara li staqsietu biex ikanta f’quddiesa b’tifkira ta’ bintha. Ix-xhud qalet li kienet taf lil Balzan kemm bħala Tristan B kif ukoll b’ismu proprju.

Kien dan il-mument fejn Tristan B infaqa’ jibki fl-awla waqt ix-xhieda, li hi wkoll kienet emozzjonata waqt li kienet qed tirrakkonta dak li għaddiet minnu.

Hija spjegat li wara l-mewt ta’ bintha xtaqet torganizza quddiesa u ma kinitx taf lil min kellha tqabbad biex ikanta. Il-qorti semgħet hekk kif ix-xhud bdiet tqalleb fuq Facebook, kien telgħa filmat tal-akkużat ikanta ‘You Raise Me Up’. Meta kkuntattjatu, Balzan aċċetta mill-ewwel mingħajr ma talab flus.

Ix-xhud qalet li wara dan baqa’ ħabib tal-familja, kien iżurha u quddiem bintha kien jgħid li kien se jgħid talba għaliha.

Madankollu, fi żmien il-Milied tal-2024, Balzan allegatament beda jitkellem magħhom dwar problemi finanzjarji u tat-taxxa. Ix-xhud qalet li dak iż-żmien kienet għadha qed tbati mit-telfa ta’ bintha u li żewġha ħassu ħażin għal Balzan, u donnu ħebritu qalbu li kellu bżonn il-flus.

“Kont għadni kif tlift l-għażiża binti f’inċident bħal dak, u jiġi japprofitta ruħu minnha,” qalet ix-xhud.

Wara l-Milied, Balzan ċempel lil żewġha u talbu l-flus. Il-mara indikat li kienet għadha żżomm il-flus li kienet ġabret għall-kremazzjoni ta’ bintha u li tawh €3,000 minn dawn il-flus. Huma mbagħad sellfuh €2,500 oħra.

Hi qalet li Balzan kien jibqa’ jwiegħed li se jroddhomlhom, iżda kien jagħti skużi differenti, fosthom li kien il-bank jew l-isptar, li aktar tard kienet tiskopri li ma kinux veri. Kompliet tispjega li Balzan kien jibda jħallilha xi flus fil-letterbox, kultant €100 u kultant €200, iżda baqagħlu jagħtiha madwar €4,000.

“Dawn il-flus li tajnih kien jitqażżeż bihom, kien jonfoqhom fuq botox, karozzi lussużi, pereżempju kellu maisonette tal-blieħ sabiħ, imma ma kienx tiegħu kif qalilna”, xehdet il-mara. 

Żewġha kien qallu li kellu jrodd il-flus fi żmien xahrejn, iżda Balzan ma kienx jidher meta kienu jiftiehmu biex iħallashom. 

Familja oħra allegatament ingħatat wegħda ta’ opportunità għall-kant

Xhud ieħor, li kien jaf lil Balzan għax it-tnejn huma mis-Siġġiewi, qal li l-akkużat kien ikkuntattjah biex jagħti opportunità lil ibnu barra minn Malta, li huwa magħruf fil-qasam tal-kant u l-immudellar. 

Ix-xhud qal li Balzan talab €4,500 fi flus kontanti biex ibnu japplika għal kompetizzjoni tal-kant bl-isem ‘Io Canto’ barra minn Malta, kif ukoll għar-recording u vjaġġ lejn l-Italja. Il-mara tax-xhud tatu €4,000 u hu stess żied €500.

Fl-istess ġimgħa, ir-raġel stqarr li waqt li kien qed isir il-Eurovision f’Malta, Balzan deher fuq żewġ programmi televiżivi, fuq it-TVM u n-NET, fejn semma lil ibnu u qal li kien se jsiefru. Huwa qal ukoll li Balzan kien saħansitra ġab f’darhom kantant Rumen li kien irrappreżenta lil pajjiżu fil-Eurovision.

“Kif tista’ ma temminhomx dawn l-affarijiet”, kompla jgħid ix-xhud. 

Waqt ix-xhieda tiegħu, ir-raġel qal li talab irċevuti għal dak li allegatament nefaq Tristan B, iżda hu qallu li ma setax jurihom. Huwa kien wegħedhom ukoll li ibnu kien se jkollu tip ta’ pass li bih seta’ jsiefer b’xejn. Ix-xhud qal li kien ra dokumenti b’ammonti kbar, fosthom €7,000 u €8,000, u li kien qallu li l-ispejjeż kienu eċċessivi.

Huwa spjega li kien ipprova jsib skuża biex ibnu ma jkomplix, fosthom billi qal li l-iskola ma kinitx se tħallih minħabba t-tul tiegħu. Irċevuti għall-€4,500 qatt ma waslulu, u x-xhud qal li beda jissuspetta li kien qed jiġi mqarraq. 

Huwa qal li talab lil Balzan jagħtih il-flus lura, iżda dan beda jroddhomlu ftit ftit, kultant €100 u kultant €50. Il-qorti semgħet kif l-akkużat fadallu jagħtih €3,700 minn €4,500. Ix-xhud stqarr li beda jisma’ stejjer oħra dwar persuni li allegatament kienu tqarrqu minn Balzan. 

Il-Maġistrat Lara Lanfranco qiegħda tippresjedi fuq il-każ. 

Il-prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-avukat Claire Sammut mill-Uffiċju tal-Avukat Generali, flimkien mal-Ispetturi Ritienne Gauci u Cheyenne Mangion, filwaqt li l-avukat Adreano Farrugia deher bħala parte civile.

L-avukat Noel Bianco deher għall-akkużat.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport