Friday, May 17, 2024

Il-Gender Wellbeing Clinic jibda topera minn binja ġdida f’Raħal Ġdid

Aqra wkoll

Infetħet uffiċjalment il-binja l-ġdida tal-Gender Wellbeing Clinic li ser tkun qed toffri spazju aktar modern minn fejn jiġu offruti servizzi tas-saħħa speċjalizzati għal persuni trans. Din il-klinika fetħet il-bibien tagħha għall-ewwel darba fl-2018 meta bdiet topera mill-Imtarfa. Minn dakinhar kien hemm aktar minn 340 persuna li għamlu użu mis-servizzi tal-klinika, u għaldaqstant inħasset il-ħtieġa li jinstab post alternattiv sabiex ikun jista’ jilqa’ għal din id-domanda.  

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li l-ftuħ ta’ din il-klinika  kien pass importanti li ttieħed wara konsultazzjoni wiesgħa u estensiva mat-Taqsima tal-Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi tas-Sess (SOGIGESC) u l-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ.

“F’dawn l-erba’ snin tgħallimna ħafna, hekk kif dan is-servizz ma kienx wieħed li ilu stabbilit f’pajjiżna. Tkellimna anke mal-komunità LGBTIQ biex naraw kif nistgħu ntejbu l-operat tal-klinika. Filwaqt li l-klijenti dejjem kellhom kliem ta’ tifħir għal dawn is-servizzi, kumment li spikka kien in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà li kienet toffri l-binja ġewwa l-Imtarfa. Għaldaqstant, bħala gvern smajna u aġixxejna biex illum l-operat mexa għal binja aktar moderna u ċentrali”, qalet Rebecca Buttigieg. 

Is-segretarju parlamentari tkellmet ukoll dwar kif ir-rilokazzjoni tal-klinika se tkun qed tifforma parti mis-servizzi offruti miċ-ċentru għall-komunità LGBTIQ li ser jinfetaħ fix-xhur li ġejjin. Fih ser jinkorpora faċilitajiet varji, inkluż dawk tal-Gender Wellbeing Clinic, bil-għan li jiġu milqugħa l-bżonnijiet tal-komunità LGBTIQ.  

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll Gabriella Calleja, li hija l-Kap tas-SOGIGESC. Fid-diskors tagħha hija saħqet li dan il-pass ifisser ħafna għall-komunità LGBTIQ għaliex b’din ir-rilokazzjoni l-gvern qed ikompli jibgħat messaġġ ċar dwar l-importanza tal-ħidma favur aktar drittijiet ċivili. “Il-gvern sema’ u aġixxa favur l-aħjar interessi tal-komunità LGBTIQ. Din il-klinika ser tkompli sservi ta’ ġid, speċjalment għal persuni trans li jkunu għadhom kif bdew il-vjaġġ tat-tranżizzjoni tagħhom”, saħqet is-Sinjura Calleja. 

Sport