It-Taqsima Kimika u Enerġija fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) u t-Trelleborg Sealing Solutions Malta ffirmaw b’suċċess Ftehim Kollettiv ġdid, li jtejjeb il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati.
Trelleborg Sealing Solutions, kumpanija globali li tipproduċi washers tar-rubber, għandha storja twila ta’ kollaborazzjoni mal-GWU permezz ta’ sensiela ta’ Ftehim Kollettivi li b’mod progressiv tejbu l-ambjent tax-xogħol. Dan l-aħħar Ftehim jibni fuq dak il-pedament billi jintroduċi kundizzjonijiet ta’ xogħol aktar flessibbli, żidiet sostenibbli fil-pagi, kif ukoll toroq għall-iżvilupp professjonali.
Il-ftehim ġie iffirmat uffiċjalment mis-Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija tal-GWU Rita Dimech, flimkien mar-rappreżentanti tal-unjin Khaled Shoieb, Jesmond Gatt, Jeffrey Micallef, Ancel Baldacchino, Anthony Bonnici, Shaun Spiteri u James Schembri. F’isem il-kumpanija ffirmaw il-General Manager Neal Borg, HR Manager Marlies Sciberras u d-Direttur Finanzjarju Robert Cutajar.