L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex (GTA) tesprimi t-tħassib serju tagħha dwar il-qtugħ tad-dawl fit-tul li affettwa lil Għawdex matul l-aħħar sigħat u kkawża tfixkil sostanzjali fis-settur tat-turiżmu fl-aqwa tal-istaġun tas-sajf.
Il-qtugħ irriżulta f’inkonvenjent mifrux kemm għat-turisti lokali kif ukoll għal dawk barranin, b’bosta stabbilimenti turistiċi jirrappurtaw diffikultajietv operattivi, interruzzjonijiet fis-servizz, u impatt negattiv immedjat fuq l-esperjenza ġenerali tal-klijenti.
Il-GTA ġiet ikkuntattjata minn operaturi fis-servizzi ta’ akkomodazzjoni, catering, u divertiment. L-indikazzjonijiet bikrija juru li l-qtugħ kellu impatt ekonomiku li jista’ jitkejjel, partikolarment fuq negozji żgħar u mmexxija mill-familji li jiddependu ħafna fuq provvista tal-elettriku mingħajr interruzzjoni.
L-Assoċjazzjoni tappella għal valutazzjoni bir-reqqa ta’ dan l-inċident, inklużi l-kawżi tal-qtugħ tad-dawl, il-mekkaniżmi ta’ rispons attivati, u r-reżiljenza tal-infrastruttura tal-elettriku ta’ Għawdex.
Filwaqt li tirringrazzja lill-ħaddiema tal-Enemalta għall-isforzi tagħhom matul il-qtugħ tad-dawl, il-GTA tħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti biex jiżguraw li l-miżuri korrettivi jiġu implimentati malajr u li l-ippjanar ta’ kontinġenza
jissaħħaħ biex jipprevjeni okkorrenzi simili fil-futur.
Fl-aħħar nett, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex qed tappella lill-Gvern biex jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kumpens xieraq biex ikopri t-telf imġarrab mis-settur tat-turiżmu bħala riżultat ta’ dan il-qtugħ tad-dawl.
