Il-Gvern ikompli jsaħħaħ il-Kunsilli Lokali b’investiment u rispett lejn l-awtonomija tagħhom

Aqra wkoll

Huwa ta’ sodisfazzjon li l-Partit Nazzjonalista qed jirreferi għal miżuri mill-Manifest tal-Partit Laburista, miżuri li llum huma parti mill-pjan ta’ ħidma tal-Gvern u li qed jiġu mwettqa, fost sensiela ta’ miżuri li se jkunu implimentati fl-ewwel mitt jum tal-leġiżlatura.

Il-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fil-Kunsilli Lokali, kemm b’mod dirett kif ukoll permezz ta’ programmi bħall-ftehim il-ġdid ta’ €12.8 miljun, li għandu l-għan li jagħti lill-Kunsilli l-finanzjament meħtieġ biex iwettqu proġetti li jirriflettu l-prijoritajiet tal-komunitajiet tagħhom.

L-għażla tal-proġetti ma hijiex f’idejn il-Gvern Ċentrali. Il-prijoritajiet jiġu identifikati mill-Kunsilli Lokali stess u diskussi madwar il-mejda tal-Kunsill, b’rispett sħiħ lejn l-awtonomija tagħhom. Id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi jipprovdi l-appoġġ tekniku u jerfa’ l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji marbuta mal-implimentazzjoni tal-proġetti. Dan huwa eżattament il-valur ta’ dan il-programm: il-Kunsilli jingħataw aktar għodda u finanzjament biex jirrealizzaw il-prijoritajiet tagħhom, filwaqt li jkollhom l-appoġġ meħtieġ biex dan isir b’mod aktar effiċjenti u mingħajr piżijiet amministrattivi u finanzjarji żejda fuqhom.

Fir-rigward ta’ Għawdex, huwa importanti li jiġi ċċarat li dan il-ftehim japplika għall-Kunsilli Lokali ta’ Malta, filwaqt li l-proġetti simili tal-Kunsilli Lokali Għawdxin jiġu sostnuti u ffinanzjati mill-Ministeru għal Għawdex. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda kwistjoni ta’ Kunsilli Għawdxin li qed jitħallew barra mill-investiment pubbliku.

 Jekk il-Partit Nazzjonalista għandu dubju dwar kemm dan il-ftehim huwa ta’ benefiċċju għall-Kunsilli Lokali, ir-risposta tinsab ukoll fir-riżultati. Matul l-aħħar sentejn, permezz tal-ftehim preċedenti, twettqu 123 proġett infrastrutturali f’lokalitajiet differenti madwar Malta. Dan juri b’mod konkret li l-mudell qed jagħti r-riżultati u li l-Kunsilli qed jagħmlu użu minn din l-opportunità.

Il-fatt li l-Kunsilli Lokali qed ikomplu jagħmlu użu minn dan il-qafas juri wkoll li l-investiment u l-appoġġ li qed jingħataw huma ta’ valur għall-komunitajiet tagħhom.

Bil-ftehim il-ġdid, dan l-investiment se jkompli jiżdied. Fuq medda ta’ erba’ snin, Gvernijiet Laburisti suċċessivi se jkunu investew minimu ta’ €22.8 miljun f’investiment dirett fl-infrastruttura tal-lokalitajiet permezz ta’ dawn il-ftehimiet.

Dan huwa impenn ċar favur il-komunitajiet tagħna u favur il-Kunsilli Lokali. Il-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jsostni lill-Kunsilli Lokali, isaħħaħ il-kapaċità tagħhom u jagħtihom l-għodda biex iwettqu proġetti li jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja tar-residenti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport