“Kburija li f’isem il-Gvern Malti ressaqna l-ewwel liġi għal din il-leġiżlatura. Qegħdin nipproponu li nemendaw il-Kostituzzjoni ta’ Malta biex ikollna karatteristika ewlenija marbuta mad-diżabilità. Jiġifieri illi l-ebda persuna f’pajjiżna ma tista tkun diskriminata abbażi tad-diżabilità”.
Iddikjarat dan il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia f’kumment li tat wara li ressqet l-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ Att sabiex jemenda biex jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta u biex tiżdied id-diżabbiltà bħala karatteristika protetta u biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni skont id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu garantiti mill-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Il-Ministru Farrugia spjegat li issa ladarba ressqet dan l-abbozz fl-istadju tal-Ewwel Qari, jiskatta proċess importanti fejn prattikament tiġi ppublikata din il-liġi u jibdew jiskattaw is-sebat ijiem illi hemm marbuta mal-proċeduri Parlamentari qabel ma tibda d-diskussjoni fil-Parlament.
Irrimarkat li la wieħed isemmi l-kostituzzjoni l-ogħla waħda fil-pajjiż, tfisser li jkun hemm bżonn iż-żewġ terzi tal-membri Parlamentari meta jaslu għal vot. Hawnhekk, il-Ministru Farrugia żiedet tgħid li kif għamlet f’kull liġi fil-leġiżlaturi li għaddew, xogħolha mhux biss li titkellem mal-membri Parlmentari tan-naħa tal-Gvern imma anke mal-Oppożizzjoni.
Sal-lum il-Kostituzzjoni tgħid li ma jistax ikun illi persuna ma tgawdix dawn id-drittijiet fundamentali, minħabba illi, per eżempju, hija mara u mhux raġel. Bil-bidla li se tkun qed issir, issa l-Kostituzzjoni ser tgħid li ma jistax ikun illi persuna ma tgawdix dawn id-drittijiet fundamentali minħabba d-diżabilità.
It-tibdil fil-Kostituzzjoni jgħid illi m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni minħabba d-diżabilità, fejn jidħlu d-drittijiet fundamentali ta’ persuna. Pereżempju, persuna b’diżabilità ma tistax tiġi trattata agħar, jum wara l-ieħor, fuq il-post tax-xogħol, minn persuna oħra li taħdem magħha u li ma jkollhiex diżabilità.

