Il-General Workers’ Union (GWU), permezz tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa, twieġeb għall-istqarrija maħruġa minn Dar Emmaus.
Ir-rikonoxximent tal-GWU bħala l-union rappreżentattiva tal-ħaddiema ta’ Dar Emmaus ingħata mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER) skont il-proċess stabbilit mil-liġi, u għadu fis-seħħ. Dan ir-rikonoxximent irid jiġi rispettat.
It-tilwima mhix biss dwar il-paga. Fost it-talbiet ewlenin tal-GWU hemm li l-ħaddiema jitħallsu meta d-Dar Emmaus tobbligahom jibqgħu għad-dispożizzjoni tagħha, u jerfgħu responsabbiltà għar-residenti, matul il-ħin tal-unpaid break. Jekk ħaddiem huwa meħtieġ jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-employer u jkompli jerfa’ responsabbiltajiet, il-GWU se tinsisti li d-drittijiet tiegħu jiġu rispettati u li jitħallas ta’ dak il-ħin jitħallas.

Dwar l-allegazzjonijiet ta’ aġir ħażin, inklużi dawk marbuta mar-rekords tas-CCTV: jekk hemm evidenza ta’ nuqqas minn ħaddiem partikolari, dan għandu jiġi ttrattat permezz tal-proċeduri dixxiplinari stabbiliti, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ. Il-GWU lesta tikkopera f’dan il-proċess. Dak li mhux aċċettabbli huwa li allegazzjoni kontra individwu tintuża biex jitqajjem dubju fuq il-ħaddiema kollha, jew biex tiddgħajjef azzjoni industrijali li ttieħdet skont il-liġi.
L-allegazzjoni li ħaddiema qed jheddu jew jaggredixxu lir-residenti hija allegazzjoni serja. Il-GWU tiċħadha. Jekk Dar Emmaus għandha evidenza konkreta ta’ aġir bħal dan, trid tirrapportah minnufih permezz tal-mekkaniżmi dixxiplinari jew, fejn xieraq, lill-awtoritiet, u mhux tħalliha bla allegazzjoni f’nofs stqarrija pubblika.
Dar Emmaus tgħid li r-residenti tagħha huma persuni vulnerabbli. Il-GWU taqbel, u propju għalhekk trid tinsisti fuq biżżejjed ħaddiema, imħallsa kif suppost, b’kundizzjonijiet li jippermettulhom jaħdmu sew. Meta carer jitħalla waħdu billejl mingħajr security, bħalma l-GWU wissiet li seta’ jiġri, huwa r-resident li jispiċċa f’riskju, mhux l-Union li tkun wissiet minn qabel. Ħaddiema mħarsa u b’kundizzjonijiet dinjitużi jkunu qed jipproteġu lir-residenti.
Jekk il-kwistjonijiet ta’ staffjar u sigurtà ma jiġux indirizzati mal-mejda tan-negozjar, il-GWU se tqajjimhom formalment mad-DIER u, fejn rilevanti, mas-Social Care Standards Authority (SCSA), ir-regolatur tas-settur.
Il-ħaddiema ta’ Dar Emmaus taw snin ta’ servizz lir-residenti ta’ din id-dar. Jistħoqqilhom li dan jiġi rikonoxxut.
Il-GWU tibqa’ miftuħa għan-negozjar. Talba waħda: li r-rikonoxximent tagħha, u d-drittijiet tal-ħaddiema li tirrappreżenta, jiġu rispettati bis-sħiħ.

