Wednesday, December 25, 2024

“Il-ħajja għandha tkun id-dawl tal-Bniedem”

- L-Arċisqof Charles J. Scicluna

Aqra wkoll

“It-talba tiegħi hi li anke llum fis-soċjetà tagħna, fl-Ewropa għażiża tagħna u fid-dinja, il-ħajja tkun id-dawl tal-bnedmin.” Hekk stqarr l-Arċisqof Charles J. Scicluna waqt l-omelija fil-Pontifikal Solenni ta’ Jum il-Milied li sar aktar kmieni dalgħodu fil‑Katidral ta’ San Pawl fl‑Imdina.

L-Arċisqof offra riflessjonijiet ispirati mill-Evanġelju ta’ San Ġwann dak li l-Knisja sejjaħlu l-prologu ta’ San Ġwann.

“Il-ħajja hi tama; il-ħajja hi don. Għal kull wieħed u waħda minna l-ħajja hi avventura li tibda fit-tnissil u tispiċċa mal-mewt naturali tagħna. Il-ħajja hi fuq din l-art imma d-destin tagħna hu l-ħajja ta’ dejjem,” kompla jgħid Charles Scicluna waqt l-omelija.

Hu stqarr li din il-ħajja li għandha bidu fiż-żmien imma hi msejħa biex ma tintemm qatt, tkun id-dawl tal-qalb tagħna; tkun hi li ddawwal il-ħsibijiet, il-pjanijiet, il-liġijiet u l-politika tagħna. Dan jiddependi minn kull wieħed u waħda minna imma l-appell u t-talba li nagħmel illum f’dan il-jum solenni hi li qatt m’għandha tkun il-mewt li tmexxina jew ix-xenqa tal-mewt, imma li l-ħajja tkun id-dawl tal-qalb tagħna.

Waqt l-omelija l-Arċisqof tkellem ukoll dwar il-gwerew li hawn madwar id-dinja. “… tant vittmi innoċenti sa mit-tnissil sat-tmiem il-mewt, ejjew nagħmlu att ta’ fidi u ta’ tama f’din il-kelma għażiża “u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam” il-Mulej huwa dak li jixhed fuq din ir-rebħa kbira tal-ħajja fuq il-mewt.”

Talab biex li s-soċjetà tagħna tibqa’ tgħożż id-don tal-ħajja: il-barka tal-ulied, il-barka tal-anzjanità. U anke meta l-ħajja titqal, u forsi l-aħħar jiem jitwalu, ejjew qatt ma ninsew id-dinjità ta’ kull nifs li nieħdu, ta’ kull nifs li jieħdu l-għeżież tagħna.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport