Thursday, March 28, 2024

IL-KAMPANJA ELETTORALI

Aqra wkoll

Il-kampanja elettorali bdiet u bdiet sewwa għalkemm id-data tal-elezzjoni għadha ma xxandritx. Biss il-Prim Ministru diġa’ tagħna indikazzjoni ċara.  Dan nistgħu narawh mill-attivitajiet u l-pożizzjonijiet taż-żewġ partiti.  

L-akbar indikazzjoni tiġi min-naħa tal-Oppożizzjoni.  Ir-raġuni hi li min-naħa tal-Partit Laburista, żamm il-pożizzjoni li kellu qabel – dik li mhux biss jgħid dak li diġa’ għamel hu, imma wkoll il-viżjoni tiegħu għall-futur.

Min-naħa tal-Oppożizzjoni, għalkemm l-attitudni negattiva ma nbidlitx, iżda ħraxet.  U nistgħu nserrħu moħħna li ser tkompli tiħrax fin-negattivita’ tagħha.  Per eżempju, dan rajnieh mill-attakki sfrenati li kien hemm meta l-PM ħabbar għotja ta’ 70 miljun euro liċ-ċittadini.  B’dan ipprova jgħin lil kulħadd u jagħti spinta oħra lill-ekonomija.  L-attakki mill-Oppożizzjoni fuq dan il-programm tal-għotja tal-gvern ħrax ħafna. Ġie msejjaħ plat soppa kiesah.  Issa dan kien programm ta’ għotja, aħseb u ara li kieku kien mimli taxxi!

Biss l-Oppożizzjoni mhux qed tittendi li meta hi tikkritika xi ħaġa hi qed tindika dak li tkun qed tagħmel meta tkun fil-Gvern.  La hi kkritikat dan il-programm ta’ għotja, ifisser li m’għandha l-ebda intenzjoni li tgħin lill-poplu u tagħti sussidji bħal dawn.  Din mhix xi ħaġa ġdida għaliex diġa’ rajnieha mill-aħħar gvern Nazzjonalista mmexxi minn Gonzi – l-agħar gvern li qatt kellha Malta.  

Kien l-agħar gvern għaliex l-attitudni negattiva ma kinitx waqt xi żmien li ma kienx hemm problemi, imma meta kienet inqagħlet il-kriżi finanzjarja.  

Li kieku dan kien qed isir biex il-gvern ikollu surplus fl-ekonomija – xi ħaġa li qatt ma rajnieha mill-gvernijiet sew ta’ Fenech Adami u wisq anqas mill-Gvern ta’ Gonzi – forsi kien ikun hemm ġustifikazzjoni.  Imma meta l-ekonomija kienet mietet minħabba t-taxxi li kien qed jimponi meta n-negozji kienu diġa’ ħadu daqqa mill-kriżi finanzjarja, dan kien ġenn.  Dan la kien tajjeb għan-negozji u lanqas għall-familji Maltin u Għawdxin.  Ir-riżultat kien li peress li ta daqqa oħra fuq l-ekonomija, id-dħul tal-gvern naqas u għalhekk kellu jimponi aktar taxxi bir-riżultat li għafas aktar in-negozji u l-familji.

Il-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien ikkonferma li ma kien hemm l-ebda idea li jgħatu xi għajnuna peress li qal li n-nies iridu jidraw jgħixu bil-prezzijiet għoljien.  Tajjeb li niftakru li l-ebda Ministru jew MP Nazzjonalista ma sab xi oġġezzjoni għal dan l-aġir.  Mhux talli hekk, talli ċapċpulu.

Il-gvern ta’ Gonzi kien gvern li lanqas budget sew ma kien kapaċi jagħmel.  Anki hawn falla.  L-UE kienet tagħtu ċertifikat għaliex il-budget li pprepara l-gvern Nazzjonalista ma ġiex aċċettat mill-UE.  Din għamlet tibdil fih u ġiegħlet lill-gvern ta’ Gonzi jimplimentah kif riedet hi.  

Dan ġej mit-twemmin li għandu l-Partit Nazzjonalista fl-awsterita’.  

Inkunu ċari, dan mhux ser jidher fil-programm elettorali tagħhom għaliex nistgħu nserrħu moħħna li ser ikun mimli proġetti u nfieq ta’ flus.  Ir-raġuni hi sempliċi.  Għall-PN, il-programm elettorali qatt ma kien pjan ta’ azzjoni, imma strument li jintuza qabel l-elezzjoni biex jidhru li ser jagħmlu xi ħaġa.  Li hu żgur hu li la qatt kellhom u lanqas għad għandhom il-ħsieb li jwettqu il-programm elettorati.  

Dan narawh mill-attitudni taż-żewġ partiti.  Huma l-gvernijiet Laburisti li għalihom il-programm elettorati hu wegħda lin-nies li ser jitwettaq.  Tant hu hekk, li kull sena l-gvern joħroġ statistika ta’ kemm irnexxielu jwettaq mill-programm elettorali.  Min-naħa l-oħra, taħt gvernijiet tal-PN minn dan qatt ma sar xejn.  Biss anki taħt Bernard Grech, għalih il-programm elettorali ma jfisser xejn.  Dan narawh għax lanqas għandu l-iċken idea ta’ kemm ser tiswa kull wegħda li jsemmu.  Ġie kkritikat kemm-il darba għal dan l-aġir imma xorta lanqas biss jindenja ruħu li jasal għal xi kalkolu.  Sinjal li għalih dawn il-wegħdiet ma jiswew xejn.

Biss l-akbar problemi li jkollu gvern Nazzjonalista huma l-indipendenza u t-tim tiegħu.  Il-PN dejjem kien immexxi minn xi  klikka, imma fl-antik din kienet tkun interna.  Taħt Bernard Grech is-sitwazzjoni ġiet li l-PN ikollu jagħmel dak li jgħidlu l-grupp Repubblika – grupp li ma jirrappreżentax lill-membri Nazzjonalisti.  Is-saħħa u l-kontroll ta’ dawn fuq il-PN narawh meta jkun hemm gvern Nazzjonalista għaliex tistgħu toqogħdu ċerti li kull membru ta’ dan il-grupp ser ikollu pożizzjoni li tiggarantilhu dħul tajjeb ħafna.  

It-tieni raġuni hu t-tim.  L-ewwel ħaġa hi li lanqas tim m’għandhom. Dan għaliex tim hu grupp ta’ nies magħqud, grupp li jaħdmu flimkien u mhux kontra xulxin.  Issa jekk Bernard Grech lanqas kien kapaċi li jressaq tim magħqud għall-elezzjoni, kif ser ikun kapaċi li jmexxi tim maqgħud meta jkun fil-gvern?  Dan rajnieh taħt Gonzi meta kien hemm żewġ Membri Parlamentari tal-partit tiegħu li ma kienux jaqblu ma’ dak li kien qed jagħmel. Minflok ra kif għamel u pprova jintegrahom, warrabhom fil-ġenb.  

Barra dan, hemm problema akbar.  Għaliex minflok Bernard Grech ra kif għamel u ifforma tim ġdid għadu jiddependi fuq dawk li kienu Ministri u MP taħt Gonzi.  Il-karatteristika ta’ dawn hi waħda li dawn mhux talli fallew meta kienu fil-gvern għax ġabu l-akbar telfiet lill-PN, imma lanqas biss jidhru li nbidlu.  Huma nies li jgħajru lil ħaddieħor biss u minkejja d-dellijiet koroh li ġabru meta kienu fil-gvern, għadhom jiftaħru b’għemilhom u jwaħħlu fiċ-ċittadini li mhux kapaċi jifhmuhom.

Dan narawh mis-Saltna tad-Dritt.  Ilna tmien snin nisimgħu dwarha u minn dak li jgħidu kienet tidher li din ma kinitx tajba fl-2013.  Li kieku kienet tajba, ma kienx ikun hemm bżonn ta’ tibdil.  Il-mistoqsija tqum waħedha – jekk kienet ħażina għaliex ma sar xejn fil-25 sena li kienu ilhom fil-gvern?  Dawn huma l-Ministri li jkollna jekk ikun hemm gvern Nazzjonalista?

Dan l-aħħar Bernard Grech qalilna li Malta għandha tebgħa griża u hu biss jista’ jirranġaha.  Li ma qalilniex li hu kkontribwixxa għal din it-tebgħa għaliex għal żmien mhux ħażin ma ħallasx taxxi li kienu dovuti lill-gvern.  Dan juri ħaġa – li jekk Malta għandha tebgħa griża, jekk ikollna gvern Nazzjonalista din issir tebgħa sewda għaliex Malta jkollha l-Prim Ministru tagħha li għamel żmien ma jħallasx taxxi.

Ekonomija

Sport