Il-Kardinal Għawdxi Mario Grech qed jitqies mis-sit Irlandiż, The Irish Times, bħala papabbli. Mario Grech ħa l-fama fost l-ogħla membri fil-ġerarkija tal-Knisja minn meta fl-2019 Papa Franġisku ħatru bħala s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Sena biss wara, mill-gallerija tal-Palazz Appostoliku fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, Papa Franġisku kien semma lil Grech fil-lista ta’ saċerdoti li kienu se jilħqu Kardinali.
L-istess ġurnal qal li Grech għandu favorih ukoll il-fatt li serva fl-għoli Qorti tal-Appell għall-Ġurijiet fi ħdan il-Knisja Kattolika (Roman Rota). Semma wkoll kif Grech għandu 18-il sena esperjenza fejn serva bħala isqof. Il-ġurnal qal li l-fatt li pajjiżna huwa żgħir huwa wkoll vantaġġ għal Grech li jieħu din il-kariga.
Fiż-żjara Appostolika tiegħu f’Malta fl-2022, il-Papa Franġisku deher qiegħed ibati fejn tidħol mobbiltà b’mod speċjali fiż-żjara tiegħu fil-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat. Barra minn hekk, Franġisku kellu saħansitra jiddaħħal għal iktar minn darba biex jingħata kura fl-isptar u saħansitra kellu jħassar żjarat importanti minħabba sitwazzjonijiet ta’ mard.
Dan wassal biex fl-aħħar xhur kompliet tikber id-domanda ta’ min jista’ jkun l-iktar Kardinal Papabbli u li verament jista’ jieħu f’idejh it-tmun tal-Knisja Kattolika.
Minkejja li Grech qiegħed jitqies bħala favorit minn fost il-Kardinali Ewropej, l-għajnejn jinsabu wkoll fuq il-Kardinal mill-Ghana Peter Turkson. L-istess ġurnal qiegħed jirrapporta li l-Knisja Kattolika qiegħda tikber b’mod mgħaġġel f’dan il-kontinent, anke jekk għadha waħda konservattiva sew. Intqal li madanakollu li jkollna Papa ta’ karnaġġjon skur f’dinja li kontinwament qiegħda tiżviluppa jkun qiegħed jintbagħat messaġġ ċar li ilhom jistennew tali għażla.