Il-President Franċiż Emmanuel Macron faħħar lil dawk kollha li ħadmu bla waqfien biex il-Katidral ta’ Notre-Dame seta’ jinġieb lura għall-glorja oriġinali tiegħu, wara l-inċident ta’ ħames snin u nofs ilu fejn dan il-ġojjell Gotiku kien inħakem minn nirien qawwija.
Matul il-jum tal-Ġimgħa, id-dinja kollha setgħet tara x-xogħol ta’ rinovar u restawr estensiv li sar f’dan il-Katidral waqt tour li għamel Macron u li xxandar b’mod dirett fuq it-televiżjoni sabiex jimmarka l-ftuħ mill-ġdid imminenti tiegħu.
Meta kien qed jindirizza lill-ħaddiema fil-Katidral, Macron qal: “In-nirien fin-Notre-Dame kienu ferita nazzjonali u intom ġibtuh lura għall-glorja tiegħu permezz tar-rieda u l-impenn tagħkom. Jiena grat ħafna ta’ dan. Franza hija grata ħafna.”
Huwa kompla jinnota li dan il-Katidral mhux biss ġie rranġat u rrestawrat imma “mibni mill-ġdid.” Ix-xogħol kollu ta’ restawr ġie jiswa kważi €700 miljun. Xogħol li kien iffinanzjat mit-€846 miljun f’donazzjonijiet li kienu waslu minn 150 pajjiż differenti b’turija ta’ solidarjetà wara dan l-inċident.
Macron, li kien akkumpanjat minn martu Brigitte u mill-Arċisqof ta’ Pariġi Laurent Ulrich, ta bidu għal programm ta’ attivitajiet li se jilħqu l-qofol tagħhom bil-ftuħ uffiċjali tal-Katidral se jsir nhar is-7 ta’ Diċembru li ġej u fil-ġurnata ta’ wara se ssir fiha l-ewwel Quddiesa Kattolika.