Sunday, May 5, 2024

Il-KE favur li l-Ukrajna tibda l-proċess ta’ sħubija fl-EU

Il-mexxejja tal-membri stati se jkollhom l-aħħar kelma fis-summit tal-ġimgħa li ġejja

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea tat il-barka tagħha biex l-Ukrajna u żewġ stati oħra tal-eks Unjoni Sovjetika isiru kandidati għal sħubija fl-Unjoni Ewropea. Iżda issa l-aħħar kelma se tkun tal-mexxejja tal-istati membri tal-EU f’summit li se jsir il-ġimgħa li ġejja. “Il-mixja” lejn il-Lvant tal-Unjoni Ewropea ġiet minħabba l-invażjoni Russa ġewwa l-Ukrajna. 

L-Ukrajna kienet applikat biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea erbat ijiem biss wara li t-truppi Russi daħlu fit-territorju Ukren fi Frar li għadda. Erbat ijiem wara mbagħad segwew il-Moldova u l-Georgia – żewġ stati oħra li għandhom reġjuni okkupati minn truppi Russji. 

Nhar il-Ħamis li għadda l-mex­xejja tat-tliet l-ikbar qawwiet tal-Unjoni Ewropea – il-Ġermanja, Franza u l-Italja – flimkien mal-President tar-Rumanija għamlu żjara ta’ solidarjetà ġewwa l-kapitali Ukrena Kiev. Waqt laqgħa mal-President Ukren Volodymyr Zelensky il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz qal li, “l-Ukrajna postha hu mal-familja tal-Ewropea.” 

L-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia issa jkollhom jiffaċċjaw proċess twil biex jilħqu l-livelli u rikjesti mitluba mill-Unjoni Ewropea biex il-pajjiż ikun jista’ jsir membru sħiħ. Apparti hekk, ma’ dawn il-pajjiżi hemm oħrajn li għadhom fil-lista ta’ stennija u dan lanqas ifisser li s-sħubija hija xi ħaġa garantita fejn ta’ min ifakkar li l-applikazzjoni tat-Turkija ilha snin staġnata, u din kienet tefgħet l-applikazzjoni fl-1999.

Il-fatt li dawn it-tliet pajjiżi eks Sovjetiċi qed juru xewqa kbira li jissieħbu fl-Unjoni Ewropea hija xi ħaġa li sa ftit tax-xhur ilu ħadd ma kienet tgħaddilu minn rasu. Dan qiegħed juri kif l-invażjoni Russa fl-Ukrajna qiegħda twassal għal bidliet politiċi kbar fl-Ewropa. 

Fid-diskors li jagħmel ta’ kull filgħaxija permezz ta’ filmat, il-President Volodymyr Zelensky qal li, “preċiżament minħabba l-qlubija tal-Ukreni, l-Ewropea issa tista’ toħloq storja ġdida ta’ libertà u finalment tkun tista’ tneħħi dik iż-żona griża fil-Lvant tal-Ewropa li tifred lill-Unjoni Ewropea mir-Russja.”

Jekk l-Ukrajna tissieħeb fl-Unjoni Ewropea din tkun l-ikbar territorju fl-Unjoni u l-ħames l-iktar popolat. It-tliet pajjiżi li qegħdin jittamaw li jissieħbu fl-UE huma bil-ferm ifqar minn kull pajjiż li hemm fl-Unjoni, saħansitra anke bil-ferm ifqar mill-Bulgarija li hija l-ifqar fl-Unjoni Ewropea. 

Sport