Monday, May 25, 2026

Il-kompetenza u l-kredibilità… ir-risposta dwar is-sostenibilità tal-manifest elettorali “Int Malta”

Aqra wkoll

“Ir-risposta dwar is-sostenibilità tal-manifest elettorali “Int Malta” hi l-kompetenza u l-kredibilità.” Hekk iddikjara l-Prim Ministru Robert Abela meta t-Tnejn filgħodu ħa sehem f’dibattitu ieħor mal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg, liema dibattitu kien organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ. 

Waqt id-dibattitu, reġa’ ħareġ kemm il-Prim Ministru kien l-aktar mexxej konvinċenti fejn ressaq argumenti b’saħħithom u sostanzjati b’numri konkreti. Tant hu hekk li meta mistoqsi dwar il-manifest elettorali, Dr Abela ddikjara bl-aktar mod ċar li dan se jiġi jiswa €6.3 biljun fuq medda ta’ ħames snin. 

Il-Prim Ministru żied jgħid li fuq in-naħa l-oħra, b’dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista, aktar qiegħed joħloq dubji milli serħan il-moħħ, fejn innota li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma qalx kemm se jiġi jiswa l-manifest elettorali tal-partit tagħhom u minn fejn se jiffinanzjawh.

Intant, fit-tweġiba tiegħu dwar kemm se jiġi jiswa l-manifest elettorali tal-PN, il-Kap tal-Oppożizzjoni filwaqt li ma tax dettalji, wieġeb billi qal li fis-sigħat li ġejjin se jgħid kemm se tiġi tiswa n-nefqa tal-manifest elettorali tagħhom. 

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru rrimarka kif il-Kummissjoni Ewropea, fit-tbassir tagħha, qalet li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna se tkun l-aqwa fl-Unjoni Ewropea bil-bosta u se terġa’ tkun hekk is-sena d-dieħla. 

Huwa tenna li d-dħul tal-pajjiż jiżboq it-€8 biljun fis-sena. “Meta tikkumpara l-2025 mal-2019, iż-żieda fid-dħul hi ta’ €3,099 miljun iżjed,” qal il-Prim Ministru. “Hemm hi r-risposta ta’ kif se jiġi ffinanzjat il-manifest. Qed naraw li tul medda ta’ leġiżlatura bi tkabbir reali ekonomiku proġettat ta’ 4%, id-dħul tal-pajjiż tul medda ta’ ħames snin se jkun qed jiżdied b’€7.8 biljun.”

Dr Abela għamilha ċara wkoll li mhumiex se jżidu l-ebda taxxa, bl-istrateġija tagħhom se tkun li jibqgħu fit-trajettorja li l-piż tat-taxxi jkomplu jnaqqsuh. “Dak is-€6.3 biljun li huwa l-costing tal-manifest ifisser li qegħdin nitkellmu madwar 4% tal-PDG,” kompla jispjega l-Prim Ministru waqt li rrimarka li bit-tkabbir ekonomiku li qed jipproġettaw, qed jaraw li realment jaqbżu d-dħul ta’ €10 biljun fis-sena. 

Dr Abela tenna wkoll li filwaqt li pajjiżi oħra applikaw il-politika tal-awsterità u għollew il-petrol u d-dijżil, dan il-Gvern uża politika li serviet ta’ tarka għan-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin. Kien hawn fejn qal li “se nżommu l-politika tagħna konsistenti kif kienet fl-aħħar snin. Dik ir-riċetta li ħadmet fl-eqqel ta’ kriżijiet irridu nibqgħu nħaddmuha u se nibqgħu nħaddmuha.”

Dwar il-Labour Migration Policy, il-Prim Ministru qal li r-riżultati wasslu biex it-turnover ta’ ħaddiema li kienu deħlin u ħerġin minn pajjiżna naqas sostanzjalment. 

“Nemmen li l-introduzzjoni ta’ din il-policy hemm fejn nibqgħu ntejbu fuqha però hi meħtieġa anke biex tibqa’ toħloq suq tax-xogħol li huwa wieħed regolamentat,” qal Dr Abela. 

Dwar is-sistema tat-trasport tal-massa, il-Prim Ministru qal li Gvern Laburista nieda l-pjan tiegħu ġimgħat ilu li jkompli jibni fuq l-ewwel viżjoni tal-mudell li kellhom. Fid-darbtejn il-pjan hu mfassal mill-ARUP flimkien ma’ ditta ta’ periti lokali. Pjan li hu dettaljat u bil-costings. 

Huwa tenna wkoll li jridu jibqgħu jsaħħu l-produttività, b’aktar investiment fid-diġital. “Għalhekk ta’ kull sena investejna €100 miljun… hi r-robotika, l-automation, aktar investiment fl-AI li tużah b’mod tajjeb mhux biċ-chatbot bħal ħaddieħor.” 

Dwar it-tieni interconnector, il-Prim Ministru qal li dan mistenni jitqiegħed din is-sena u jibda jaħdem ftit tax-xhur oħra. Dan filwaqt li l-fażi tal-istudji għat-tielet interconnector biex jgħaqqad mal-grid Ewropew miexi wkoll.

Fl-interventi tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jridu jaraw li jagħtu lin-negozji l-għodda neċessarji biex ikunu awtonomi, indipendenti filwaqt li jagħtuhom il-libertà li jaħdmu u jinvestu aktar. 

Dwar l-isptarijiet, Dr Borg qal li jridu jinvestu f’dan is-settur għaliex fi kliemu “mas-saħħa m’hemmx kompromessi.” Qal li jridu jinvestu f’kullana ta’ sptarijiet u reġa’ semma l-isptar f’Għawdex, ieħor fit-Tramuntana, investiment f’Mater Dei u anke f’Paola Hub.

Dr Borg qal ukoll li huma għandhom “pjan ċar” ta’ fejn iridu jmorru biex skontu l-popolazzjoni tikber b’mod sostenibbli. “Pjan ċar ta’ fejn irridu mmorru. Viżjoni għas-snin li ġejjin,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fir-rimarki konklussivi tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa qiegħed jagħti garanzija waħda dik ta’ kredibilità u kompetenza. “L-għażla tagħkom fuq hemm trid iddur. Fuq min għandu l-kredibiltà u l-kompetenza, ibbażat ukoll fuq it-track record ta’ dawn l-aħħar snin, illi jieħu l-ekonomija tagħna għal-livell li jmiss, li jieħu lil dan il-pajjiż għal-livell li jmiss, li jieħu lin-negozji għal-livell li jmiss, fit-triq tal-prosperità.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport