Friday, May 3, 2024

Il-komunitá tal-awtomobiliżmu tiddeplora l-kummenti razzjali ta’ Piquet fil-konfront ta’ Hamilton

Aqra wkoll

Proprju lbieraħ il-komunitá tal-Formula Wieħed ngħaqdet biex turi l-istmerrija lejn l-ex champion tad-Dinja, Nelson Piquet, li uża lingwaġġ razzjali u abbużiv fil-konfront ta’ Lewis Hamilton (ritratt).

Il-Brażiljan ta’ 69 sena, li rebaħ it-titlu mondjali tliet darbiet,  fl-1981, 1983 u 1987, uża terminu offensiv razzjali biex jirreferi għal Hamilton f’podcast.

Piquet ġie kkundannat mill-Formula  Wieħed, it-team tal-Mercedes ta’ Hamilton u l-FIA.

“Din il-mentalità arkajka jeħtieġ li nibdluha u m’għandha l-ebda post fl-isport tagħna. Jien kont imdawwar b’dawn l-attitudnijiet u u saħansitra immirat matul ħajti kollha.

“Kien hemm ħafna ħin biex wieħed jitgħallem. Iżda issa wasal iż-żmien għall-az­zjoni,” qal Hamilton.

Piquet kien qed jiddiskuti l-inċident bejn Hamilton u s-sewwieq tar-Red Bull, Max Verstappen, fl-ewwel dawra tal-Grand Prix tal- Ingilterra tas-sena l-oħra.

Huwa ddeskriva l-inċident bħala “ċajta”, u qal li Hamilton kien “xortih tajba” … biss kien Verstappen li spiċċa biex ħallas l-agħar konsegwenzi, u uża kelma mhux xierqa “ta’ “kulur biex esprima l-opinjoni tiegħu li Hamilton kien għamel żball.

Il-Grand Prix tal-Gran Britannja ta’ tmiem il-ġimgħa li ġej huwa l-ewwel anniversarju tal-inċident, li kien wieħed minn sensiela bejn iż-żewġ sewwieqa hekk kif ikkontestaw it-titlu mondjali tas-sena l-oħra – kampjonat deċiż f’ċirkostanzi kontroversjali fit-tellieqa finali tal-2021, f’Abu Dhabi.

Stqarrija tal-F1 qalet: “Lingwaġġ diskriminatorju jew razzist huwa inaċċettabbli fi kwalunkwe forma u m’għandu l-ebda parti fis-soċjetà.

“Lewis huwa ambaxxatur inkredibbli għall-isport tagħna u jistħoqqlu kull rispett.”

 “L-isforzi bla heda tiegħu biex iżid id-diversità u l-inklużjoni huma lezzjoni għal ħafna u xi ħaġa li aħna impenjati għaliha fil-F1.”

Piquet, li huwa missier is-sieħba ta’ Verstappen, Kelly Piquet, għandu storja li jagħmel dikjarazzjonijiet xejn pjaċevoli. Matul il-karriera tiegħu ta’ sewqan, huwa staqsa pubblikament l-orjentazzjoni sesswali ta’ Ayrton Senna u sejjaħ lir-rivali tiegħu bħala “s-sewwieq tat-taxi ta’ Sao Paulo”.

Huwa kien għamel ukoll kummenti offensivi dwar Nigel Mansell u l-mara tas-sewwieq Ingliż meta kien isuq mal-Williams.

“Aħna nikkundannaw bl-aktar mod qawwi kull użu ta’ lingwaġġ razzist jew diskri­minatorju ta’ kull tip,” qalet stqarrija mit-team tal-Mercedes. “Lewis mexxa l-isforzi tal-isport tagħna biex jiġġieled ir-razziżmu, u huwa veru champion tad-diversità fit-triq u barra minnha.

“Flimkien, aħna naqsmu viżjoni għal mo­torsport divers u inklużiv, u dan l-inċident jenfasizza l-importanza fundamentali li nkomplu nistinkaw għall-futur isbaħ.”

Il-korp governattiv tal-isport tal-awtomobiliżmu, qal: “L-FIA tikkundanna bil-qawwa kull lingwaġġ u mġieba razzista jew diskri­minatorja, li m’għandhom l-ebda post fl-isport jew fis-soċjetà.

“Aħna nesprimu s-solidarjetà tagħna ma’ Lewis Hamilton u nappoġġaw bis-sħiħ l-impenn tiegħu għall-ugwaljanza, id-diversità u l-inklużjoni fl-isport tal-Formula 1.”

Sport