Thursday, April 18, 2024

Waterpolo: Neptunes jegħlbu lir-rivali eterni Sliema

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Neptunes……………8

Sliema………………..5

(2-1, 1-1, 2-2, 3-1)

Neptunes komplew jikkonfermaw il-qawwa tagħhom meta għelbu lir-rivali eterni  Sliema bl-iskor ta’ 8-5, biex b’hekk is-Slimiżi tilfu t-tieni konfront dirett minn tnejn f’inqas minn ġimgħa wara li nhar l-Erbgħa li għadda sfaw megħluba minn San Ġiljan bl-iskor ta’ 11-9.

U dan wara li Sliema rebħu l-Enemed Cup u l-Kampjonat tax-Xitwa u b’hekk kienu meqjusa minn ħafna li setgħu tabilħaqq jisfidaw għar-rebħ tat-titlu. Peró, meta wieħed jikkunsidra kollox, huwa fatt magħruf li għadna fi stadju bikri tal-istaġun u żgur li s-Slimiżi għad iridu juru l-potenzjal kollu tagħhom.

Għal Neptunes, l-aqwa skorers kienu Jake Muscat, Sam Gialanze u Gabriel Pace li rreġistraw doppjeta kull wieħed filwaqt li għal Sliema spikka Benji Cachia b’żewġ goals ukoll.

Neptunes għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-logħba u rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor ta’ 2-1, bil-goals jaslu minn Sam Gialanze minn man-up wara li tkeċċa Liam Galea u Stevie Camilleri minn penalty. Dino Zammit kien ġab l-iskor indaqs għat-team immexxi mill-coach Spanjol, Beto Fernandez.

Fit-tieni sessjoni, irrenja bilanċ assolut hekk kif din intemmet fi draw ta’ 1-1, bil-goal għal Neptunes jasal minn Alec Fenech, waqt li Benji Cachia minn man-up wara li tkeċċa Jake Muscat, irrisponda għal Sliema.

It-tielet sessjoni wkoll intemmet fi draw, iżda din id-darba ta’ 2-2, b’Jake Muscat minn penalty u Gabriel Pace jsibu x-xibka għal Neptunes waqt li Matthew Mifsud u Benji Cachia minn man-up wara li tkeċċa Alec Fenech, skorjaw għas-Slimiżi.

Kollox kellu jiġi deċiż fl-aħħar sessjoni, b’Neptunes joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1, bl-awturi tal-goals għalihom ikunu Jake Muscat minn man-up wara li tkeċċa Jayden Cutajar, Sam Gialanze u Gabriel Pace. Jamie Gambin skorja l-goal waħdani għal Sliema.

Neptunes: 1-Alan Borg Cole, 2-Jake Muscat (2), 3-Sam Gialanze (2), 4-Gabriel Pace (2), 5-Jake Cachia, 6-James Spiteri Staines, 7-Stevie Camilleri (1), 8-Jordan Camilleri, 9-Jeremy Abela, 10-Michael Spiteri Staines, 11-Alec Fenech (1), 12-Mark Castillo Coach: Jovan Popovic

Sliema: 1-Nicky Grixti, 2-Matthew Mifsud (1), 3-Liam Galea, 4-Daniel Rizzo, 5-Mark Meli, 6-Benji Cachia (2), 7-Jayden Cutajar, 8-Kieyan Borg, 9-John Brownrigg, 10-Jamie Gambin (1), 11-Zach Mizzi, 12-Dino Zammit (1), 13-André Theuma Coach: Beto Fernandez

Referees: Andrea Zedda, Alex DeRaffaele

Ekonomija

Sport