“Il-messaġġ tiegħi huwa li r-raġel jieħu ħsieb lil martu u l-mara tieħu ħsieb żewġha u jieħdu ħsieb li ma jaqbdux kunfidenzi żejda. Nixtieq ngħix kif għext jien”. Dan kien l-appell ta’ Leslie Cauchi meta intervistat minn dan is-sit f’April li għadda f’għeluq is-70 sena żwieġ ma’ martu Concetta Cauchi magħrufa aħjar bħala Ċettina. Dan is-sit kien iltaqa’ mal-koppja Furjaniża f’Jum San Valentinu fl-2022 u minħabba l-karattru simpatiku tagħhom bħala ġurnalist bqajt nżurhom kull tant żmien.
Dan il-Milied morna biex inżuru lill-koppja, iżda sfortunatament sibna biss lir-raġel fir-residenza tal-anzjani u meta qalilna li martu kienet iddaħħlet l-isptar saru minnufih arranġamenti bl-għajnuna tal-qraba u tmexxija ta’ Dar il-Mistrieħ biex stajna niħduh jara lill-mara – ġest li hu ddeskriva bħala l-isbaħ rigal li seta’ jirċievi fil-Milied.
Minkejja l-età tagħhom ta’ aktar minn 90 sena, huma għallmuna, u mhux lilna biss, li l-imħabba vera tibqa’ tikber u tissaħħaħ fi kwalunkwe sfida li toffri l-ħajja. Il-komunikazzjoni ta’ bejniethom kienet waħda li tissorprendik fejn b’ħarsa biss kienu baqgħu jikkomunikaw sal-aħħar. Xi jiem biss wara, ir-raġel kellu jiddaħħal l-Isptar ukoll filwaqt li l-kundizzjoni tal-mara sfortunatament baqgħet tiggrava.
Minkejja kollox Leslie sab kull għajnuna biex seta’ baqa’ jibqa’ jara lil martu u minkejja li baqa’ jittama kuljum li martu taqleb għall-aħjar u jgħidilha li dalwaqt kienu se jirritornaw flimkien fil-Furjana, fil-fond ta’ qalbu kien jaf li l-probabbiltà li dan iseħħ kienet qiegħda dejjem tonqos.
F’din is-sitwazzjoni kollha, l-anzjan baqa’ jxerred l-imħabba u jisħaq mat-timijiet mediċi fis-sala tiegħu f’Mater Dei li għalih l-iktar ħaġa importanti ma kinitx il-kundizzjoni tiegħu imma dik ta’ martu. Minkejja nuqqas ta’ mobbiltà, huwa baqa’ jagħmel kull sforz biex ibus lill-maħbuba tiegħu bla waqfien. Minn naħa tagħha Ċettina kkonfermat din l-imħabba b’mod reċiproku fejn minkejja l-qagħda tagħha hija baqgħet kontinwament issejjaħlu biex ikun qrib tagħha u anke jekk b’diffikultà baqgħet tfajjarlu l-bews b’kemm kellha saħħa.
Sfortunatament il-vjaġġ tagħhom flimkien ġie fi tmiemu kmieni l-Ħadd filgħodu meta l-mara ħadet l-aħħar nifsijiet fl-Isptar imma ċertament li dawk kollha li b’xi mod jew ieħor ġew f’kuntatt magħhom f’dawn l-aħħar jiem, se jibqgħu jgħożżu għal dejjem it-tagħlima tal-imħabba dejjiema.
Ċettina tibqa’ mfakkra għat-tbissima simpatika tagħha. Mara sempliċi li dejjem apprezzat l-għajnuna ta’ kulħadd u kienet dejjem grata lejn il-carers f’Dar il-Mistrieħ b’mod speċjali fl-aħħar xhur fejn kienu jieħdu ħsieb li jassistuha bl-aħjar mod biex tkun tista’ toħroġ mal-bqija tal-anzjani fl-attivitajiet li kienet torganizza r-residenza. Hija kienet tkun eċitata ferm għal dawn il-ħarġiet u meta kienet tasal erħilha tgħidlek “iii kemm ħadna gost”. Minbarra l-qraba tagħha, Leslie kien il-mimmi t’għajnejha u konferma ta’ dan kien il-kwiet li baqa’ jaqa’ fil-kamra tal-isptar meta kien jidħol żewġha u kienet twarrab kull tbatija biex issejjaħlu b’ismu u tagħmel kull sforz biex tersaq u tbusu. Kienu biss fl-aħħar sigħat li ma baqgħux jikkomunikaw bil-fomm, iżda l-għafsa tal-id kienet biżżejjed għall-anzjani biex jikkomunikaw li huma kienu se jibqgħu flimkien sal-aħħar. Minn naħa tiegħu Leslie kulma talab kien ftit għajnuna biex iqum minn fuq is-siġġu tar-roti u jbusha fuq moħħha filwaqt li jagħmel mezz li jħalliha tistrieħ ’il bogħod mit-tbatija.
Filwaqt li nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-qraba, f’isimhom nirringrazzjaw lit-timijiet mediċi kollha li ħadmu b’koperazzjoni sħiħa magħna biex bi prekawzjoni minħabba ċertu riskju ta’ trasmissjoni ta’ mard, għamluhielna possibbli li l-anzjani jibqgħu viċin sal-aħħar minkejja d-diffikultajiet ta’ mobbiltà tagħhom. Tajjeb li napprezzaw li fost ħafna ħaddiema oħra, tobba, infermiera u carers matul il-festi kienu ’l bogħod mill-familjari tagħhom joffru servizz lil mijiet ta’ pazjenti.