Thursday, March 28, 2024

“Il-liberalizzazzjoni tal-użu tal-Kannabis jesponi lis-soċjetà għall-iktar ħsara milli ġid” – Caritas, OASI

Aqra wkoll

B’reazzjoni għall-proposta fil-liġi dwar il-Kannabis, Caritas Malta u l-Fondazzjoni Oasi qalu li jinsabu ferm konċernati li l-proposta ta’ qafas legali ġdid għall-użu responsabbli tal-Kannabis kif ippreżentat mill-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Onorevoli Owen Bonnici lbieraħ imur oltrè minn dak li ġie ppreżentat fil-White Paper u jikkontempla wkoll id-distribuzzjoni tal-Kannabis minn assoċjazzjonijiet għall-użu rikreattiv. 

Fi stqarrija, huma qalu li flimkien mal-proposti l-oħra dwar il-pussess u l-kultivazzjoni, dan hu pass ieħor lejn iktar normalizzazzjoni tal-użu tal-Kannabis, iżid il-perċezzjoni liż-żgħażagħ li l-Kannabis m’għandiex perikli, u li eventwalment ikompli jiżdied l-użu.

Huma qalu li d-dibattitu tal-Kannabis qatt ma kien wieħed iswed fuq l-abjad, però finalment kull pass lejn il-liberalizzazzjoni tal-użu tal-Kannabis jesponi lis-soċjetà tagħna għall-iktar ħsara milli ġid.

Caritas Malta u Fondazzjoni OASI semmew diversi gruppi li jinsabu f’riskju b’dawn il-proposti. Fost l-oħrajn semmew li l-użu fit-tul tal-Kannabis iżid ir-riskju tal-Alżheimer iktar ‘il quddiem fl-ħajja  u li jaffettwa partijiet mill-funzjonijiet tal-moħħ relatati mal-memorja u mal-funzjonijiet intellettwali, u li dawn ma jerġgħux lura għan-normal meta jitwaqqaf l-użu.

Semmew kif in-normalizzazzjoni tal-użu tas-sustanza huwa partikolarment perikoluż għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar hekk kif l-użu tal-Kannabis mill-adolexxenti joħloq ħsara devastanti fuq il-moħħ. 

Semmew ukoll li l-familji li jgħaddu minn tbatijiet ma’ qarib li huwa dipendenti fuq il-Kannabis jew sustanzi oħra, jgħaddu minn tensjoni u taħbit enormi biex jimmotivaw lil dawk għeżież għalihom biex ifittxu l-għajnuna. Qalu li ġenituri u msieħba ta’ persuni li jużaw il-Kannabis, diġà qed jesperjenzaw sens ikbar ta’ disprament, meta dawn l-għeżież jesprimu li l-Kannabis huwa dritt ta’ persuna u “daqt tkun legalizzata”.

Apparti minn hekk, huma qalu li dawk predisposti għall-problemi ta’ saħħa mentali se jsofru. Qalu li porzjon mill-popolazzjoni li hija ġenetikament predisposta li tiżviluppa kundizzjoni psikotika bħal skiżofrenija, huwa f’riskju iżjed li jkollhom din il-kundizzjoni bl-użu tal-Kannabis.

Fl-aħħar nett Caritas Malta u Fondazzjoni OASI qalu li jittamaw li f’dan l-istadju ssir diskussjoni serja u appellaw lill-Awtoritajiet u l-partiti politiċi biex iqisu sew il-prezz li jkollha tħallas is-soċjetà, it-tfal u l-familji tagħna u dawk li l-iktar se jinlaqtu ħażin minn dawn il-proposti.

Ekonomija

Sport