Friday, May 3, 2024

Il-manifest elettorali tal-PL se jżid 50,000 impjieg

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Covid Wage Suppliment estiż għal April

Waqt dibattitu politiku ieħor organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ, il-mexxejja taż-żewġ partiti l-kbar qalu tagħhom dwar il-proposti tagħhom għall-ħames snin li ġejjin.

Estensjoni “tal-għotja” fil-Covid Wage Supplement

Fl-introduzzjoni tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela qal li n-negozji huma l-pulmun tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Fakkar li llum qegħdin naħsdu l-frott tal-għajnuna li l-gvern ta fi żminijiet ibsin b’ekonomija b’saħħitha. Filwaqt li kkundanna b’mod assolut il-gwerra, il-Prim Ministru qal li aħna pajjiż favur il-paċi.

Abela ħabbar li l-gvern se jkun qiegħed iġedded il-Covid Wage Supplement sa minn tal-anqas April. Huwa qal li ninsabu f’mument ta’ rkupru importanti u bħalma għamel dejjem, il-gvern se jkompli jiddiskuti mal-imsieħba soċjali biex jibqa’ jsostni l-irkupru. Huwa ma eskludiex li dan il-benefiċċju jerġa’ jiġi estiż jekk ikun meħtieġ.

Rigward allegazzjonijiet min-naħa tal-Partit Nazzjonalista rigward il-Covid Wage Supplement, il-Prim Ministru kien ċar li dak li ħadu dawk li jħaddmu u l-ħaddiema, se jibqa’ tagħhom u li din kienet “għotja”.

Bilanċ bejn l-investiment u trattament xieraq tal-ħaddiema

Mistoqsi għaliex l-intraprendituri għandhom jafdawh biex imexxi għall-ħames snin li ġejjin Abela sostna li t-track record ta’ gvern Laburista hija r-raġuni prinċipali għal dan. Fakkar li tlaqna minn tbassir ta’ qgħad li kellu jaqbeż il-50,000 persuna u minflok pajjiżna llum għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja. Huwa żied jgħid li hu se jibqa’ jiltaqa’ ma’ dawn il-persuni li jkabbru l-ekonomija ta’ pajjiżna u wiegħed li gvern immexxi minnu se jibqa’ bil-politika ta’ inċentiv u sapport. Spjega li dan jgħin biex ikun jista’ jinħoloq bilanċ tajjeb bejn l-investiment u t-trattament xieraq tal-ħaddiema.

Konvint li se naslu dwar il-proposta tas-sħubija fi trejdunion

Mistoqsi dwar il-proposta tal-Partit Laburista li titkellem dwar sħubija mandatorja fi trejdunion, il-Prim Ministru qal li hija proposta li tibni fuq dak li diġà hemm fil-liġi industrijali ta’ pajjiżna li tgħid li kull ħaddiem jista’ jissieħeb fi trejdunion u li dik is-sħubija ma tistax tiġi preġudikata.

Abela qal li l-prinċipju se jkun dejjem ta’ djalogu strutturat u fakkar kif gvern immexxi minnu poġġa bilqiegħda għal sigħat twal li minnu nħoloq patt soċjali storiku li permezz tiegħu ġie mniedi l-Covid Wage Supplement.

Huwa wiegħed li jekk jingħata l-mandat se jkun qiegħed jimxi bl-istess stil ta’ diskussjoni biex jara li jiġu mħarsa d-drittijiet tal-ħaddiema. Huwa qal li l-proposta tas-sħubija mandatorja kienet imnebbħa minn settur ta’ ħaddiema li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom irenduhom aktar vulnerabbli u għaldaqstant il-gvern għandu d-dmir soċjali li jipproteġi lil din il-kategorija ta’ ħaddiema.

“Konvint li fi ħdan l-MCESD kif wasalna fuq meterji kruċjali għat-tmexxija tal-pajjiż fl-aktar mument diffiċli naslu għal ftehim dwar dak li qiegħed jiġi propost ukoll”, tenna Abela.

Proposti li jżidu l-ġid nazzjonali mingħajr introduzzjoni ta’ taxxi ġodda

Il-Prim Ministru tkellem dwar il-proposti u qal li l-proposti tal-Partit Laburista huma kollha costed, serji, responsabbli u sostenibbli. Min-naħa l-oħra l-Oppożizzjoni għadha ma ddikjaratx kemm se jiswieha l-manifest ippreżentat minnha. Mill-ġdid sostna dwar il-bżonn li jkompli jissaħħaħ id-djalogu u kien ċar li l-manifest se jwassal għal tnaqqis fit-taxxi. Rigward l-iffinanzjar tal-proposti, Abela qal li pajjiżna preżentament għandu ġid nazzjonali ta’ madwar €14-il biljun. Żied jgħid li l-mira ambizzjuża hija li sal-aħħar tal-leġiżlatura, il-Partit Laburista għandu l-mira li dan jitla għal €20 biljun. Bl-implimentazzjoni tal-manifest elettorali tiegħu, gvern Laburista se jkun qiegħed iżid sa 50,000 impjieg iżjed f’pajjiżna. Fakkar dwar il-finanzjament ta’ fondi Ewropej li se jkomplu jgħinu biex ikun iffinanzjat il-manifest elettorali.

In-nies jitkellmu dwar il-futur ta’ pajjiżna aktar milli fuq il-pjaċiri

Abela wieġeb ukoll dwar il-klijentaliżmu. Qal li ma jemminx li l-maġġoranza assoluta tal-elettorat tipprova tfittex il-pjaċiri. Mill-esperjenzi tiegħu Abela qal li n-nies jitkellmu dwar l-esperjenzi personali tagħhom, x’jixtiequ għal uliedhom u n-negozji dwar kif jixtiequ jespandu. Tenna li l-maġġoranza assoluta għandhom fl-interess tagħhom il-ġid tal-pajjiż u kif se nibqgħu mexjin ’il quddiem.

Il-Prim Ministru għalaq id-diskors tiegħu b’numru ta’ wegħdiet fejn fost l-oħrajn tenna l-impenn tal-gvern li jżomm l-istabbilità fil-prezzijiet tal-enerġija u li jibqa’ jiddjaloga favur soluzzjonijiet għall-ġid komuni.

Sport