Friday, April 19, 2024

Il-maskri, il-visors, u l-ingwanti vis-a-vis l-Covid-19

Aqra wkoll

Minn Dr GEORGIANA FARRUGIA BONNICI

Minn nhar it-Tnejn, 4 ta’ Mejju 2020, f’Malta se jkun obbligatorju li jintlibsu maskri jew visors meta wieħed ikun sejjer jixtri jew qed jagħti servizz fi ħwienet pubbliċi, jirkeb fuq tal-linja jew inkella meta jkun se jattendi xi appuntamenti mediċi, sabiex jitnaqqas ir-riskju tat-tixrid tal-Coronavirus.

1) X’tip ta’ maskri għandhom jintlibsu mill-pubbliku, u x’inhuma l-vantaġġi tagħhom?

It-tip ta’ maskri li hawn fis-suq bħalissa huma dawn:

  • Maskri tad-drapp: Dawn idealment għandhom jigu milbusa mill-membri tal-pubbliku, u għandhom ikunu magħmulin minn drapp tat-tip “cotton”; u jkun fihom minn ta’ l-inqas 2 strati, jew iktar. Dawn huma l-iktar maskri ekonomiċi, għax jistgħu jsiru minn ġod-dar stess, u jerġgħu jintużaw wara li jkunu ġew maħsulin sew bis-sapun f’temperatura ta’ minn tal-inqas 60 grad Celcius.
  • Maskri kirurgiċi: Dawn il-maskri huma tajbin biex wieħed jipproteġi lil ta’ madwaru milli jinfettaw rwieħhom bil-marda tal-Covid19, iżda huwa importanti ħafna li jiġu mormija wara ftit sigħat ta’ użu, speċjalment meta jiġu umdużi u jixxarrbu b’imnifsejna stess, jew inkella jiddensu, għax ma jibqgħux effettivi.
  • Maskri bil-“filter” tat-tipi N95/KN95/FFP2/FFP3: Idealment, dawn għandhom jintużaw biss mill-“frontliners”, jew persuni oħrajn li qed jiġu f’kuntatt dirett ma’ persuni morda bil-Covid19.

2) X’inhuma l-aħjar: il-maskri jew il-visors?

Il-visors huma magħmulha biex jipproteġu kemm l-għajnejn, l-imnieħer u kif ukoll il-ħalq. Għaldaqstant, dawn joffru iktar protezzjoni mill-maskri li jgħattu biss l-imnieħer u l-ħalq. Għalhekk, il-visors huma rakkomandati wkoll għal kull membru tal-pubbliku li jixtieq jużahom. Hemm ukoll ċerti tipi ta’ visors, li ma jkollhomx “foam”, li jistgħu jiġu diżinfettati sabiex jerġgħu jintużaw.

3) Huwa importanti ħafna li l-maskri jintlibsu kif suppost, inkella wieħed xorta jista’ jżid ir-riskju li jimrad bil-Covid-19 jew mard infettiv ieoħr…għandek xi pariri dwar dan?

Huwa vitali li wieħed ma jmissx wiċċu jew il-maskra meta din tkun milbusa. Meta tiġi biex titneħħa l-maskra, dejjem importanti li wieħed jaqbadha miċ-ċineg ta’ wara, mhux minn quddiem jew mill-ġenb, inkella jkun hemm riskju ikbar li wieħed jinfetta ruħu b’mard infettiv.

Wieħed għandu wkoll jara li kemm qabel ma tintlibes il-maskra, u anke wara li jlesti mill-użu tal-maskra, jaħsel idejh sew b’sanitizer li għandu minn tal-inqas 70% bażi ta’ alkohol, jew bis-sapun u l-ilma, sabiex jinqatlu l-mikrobi kollha li l-maskra tkun ġiet f’kuntatt magħhom.

4) Meta għandhom jintlibsu l-ingwanti f’postijiet pubbliċi, u kif għandna niddisponu minnhom b’mod sigur?

L-ingwanti jistgħu jintużaw f’postijiet pubbliċi bħal “supermarkets,” jew pompi tal-petrol, fejn il-kuntatt kontinwu tal-ħaddiema ma’ diversi oġġetti huwa frekwenti ħafna. Huwa importanti li l-ingwanti jitbiddlu spiss, u ma tintmiss l-ebda parti tal-wiċċ meta jkunu milbusa għax dan l-aġir iżid ferm iktar ir-riskju ta’ kontaminazzjoni. Jekk ikun hemm xi toqob fl-ingwanti, dawn għandhom jiġu mormija minnufih. Jekk il-persuna jkollha xi grif jew feriti ohra, dawn għandhom jiġu mgħottija sew qabel ma jintlibsu l-ingwanti.

L-ingwanti jistgħu wkoll jintużaw minn membri tal-pubbliku li qegħdin jieħdu ħsieb qrabathom li huma infettati, jew suspettati li għandhom il-marda tal-Covid19.

Wieħed xorta għandu jipprattika ħasil tal-idejn regolari, għax dan il-metodu joffri l-iktar ammont ta’ protezzjoni kontra t-tixtrid tal-Coronavirus. Importanti wkoll li niddisponu kemm mill-ingwanti u anke mill-maskri, b’mod sigur f’kontenituri tal-iskart apposta, u mhux nitfgħuhom mal-art. Dan huwa aġir irresponsabbli li jaf imarrad lil ħaddieħor, apparti l-effetti negattivi li jħalli fuq l-ambjent.

Sport