Friday, May 3, 2024

Il-mewt ta’ Gorbachev tfakkar f’summit storiku f’Malta

Aqra wkoll

Il-mewt ta’ Mikhail Gorbachev ġabet lura f’moħħ ħafna Maltin memorji li d-dinja kienet se tibda tgħix f’sigurtà ikbar u f’paċi dejjiema. Dan billi d-dinja kellha għajnejha fuq pajjiżna – Malta – li kien il-lok fejn storikament ġiet fi tmiemha l-Gwerra Bierda li kienet ilha snin bejn il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Punent.

Kien fit-2 ta’ Diċembru tal-1989 meta l-President Amerikan George Bush u l-President Sovjetiku Mikhail Gorbachev waslu Malta separatament għal summit ta’ jumejn fuq żewġ bastimenti tal-gwerra ankrati fil-bajja ta’ Marsaxlokk. L-ewwel mis-sensiela ta’ taħditiet kienu saru fuq il-cruiser Sovjetiku Slava l-għada filgħodu.

Interessanti kien il-fatt li qabel wasal Malta, Gorbachev għamel żjara uffiċjali f’Ruma u l-Vatikan.

Il-jumejn li fihom saru t-taħditiet bejn il-mexxejja taż-żewġ super potenzi kienu karatterizzati minn maltemp qawwi li ħakem fuq il-gżejjer Maltin li kellu effett mhux ħażin fuq il-programm li kien ippjanat għal-laqgħat bejn iż-żewġ mexxejja.

Is-summit storiku f’Malta bejn Bush u Gorbachev kien ġie mħabbar għall-ewwel darba mill-aġenzija Sovjetika tal-aħbarijiet TASS u mill-White House li t-tnejn kienu qalu li l-laqgħat għolja bejn iż-żewġ Presidenti kienu se jsiru fuq bastimenti tal-qawwiet tagħhom.

Kemm l-Istati Uniti u kemm l-Unjoni Sovjetika kienu għażlu lil Malta bħala l-post fejn kienet se ssir il-laqgħa bejn Bush u Gorbachev għax Malta hija pajjiż newtrali. Din kienet ukoll il-fehma ta’ bosta ġurnalisti u diplomatiċi mxerrdin mad-dinja kollha.

L-għażla ta’ Malta għal dik il-laqgħa storika fir-relazzjonijiet internazzjonali kienet ċertifikat mill-aqwa għall-politika ta’ newtralità li Malta bdiet issegwi.

Sport