Tuesday, April 23, 2024

Inawgurat xogħol ta’ mmodernizzar teknoloġiku fix-xelter tal-Mellieħa

Aqra wkoll

Ix-xelter tal-Mellieħa ġie mgħammar b’iżjed apparat teknoloġiku biex dan tal-aħħar ikun iżjed aċċessibbli għat-turisti li jiġu jżuru din il-lokalità. L-investiment, li jlaħħaq it-€42,500, kien jinvolvi l-installazjoni ta’ wiring ġdid, sistema ġdida ta’ ħoss biex ittejjeb l-esperjenza tal-viżitatur billi tirreplika ħsejjes mill-jiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, kif ukoll apparat ieħor intiż biex jippreveni ħsara minn kundizzjonijet umdi taħt l-art.

Dan ix-xogħol sar mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Korali u Orkestrali Marija Bambina tal-Mellieħa, is-soċjetà li tħares il-preservazzjoni ta’ dan ix-xelter.

F’kelmtejn għal din l-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka kif l-investiment f’dan ix-xelter huwa timbru ieħor fl-isforzi tal-Gvern u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex il-prodott turistiku jgħaddi għal livell li jmiss f’dak li hija kwalità, konsistenza u mmodernizzar.

“Sena ilu konna hawnhekk bl-introduzzjoni ta’ proġett pilota li permezz tiegħu l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu riedet tinċentiva għaqdiet mużikali Mellieħin biex iwettqu proġetti li jservu ta’ attrazzjonijiet kulturali għal dawk kollha li jiġu jżuru l-Mellieħa. Illum propju qegħdin naraw l-ewwel riżultati tax-xogħol tant tajjeb u meqjus li sar mill-Għaqda Korali u Orkestrali Marija Bambina tal-Mellieħa,” kompla jgħid il-Ministru Bartolo.

Huwa żied jgħid li x-xogħolijiet ta’ mmodernizzar jirriflettu b’mod perfett l-impenn tal-Gvern li tiġi offruta l-aqwa esperjenza possibbli lit-turisti u d-dilletanti tal-istorja b’mod partikolari tat-Tieni Gwerra Dinija.

“L-għaqdiet kulturali huma vejikolu ewlieni biex it-turisti japprezzaw il-kultura u d-drawwiet tagħna tal-Maltin. Ċertament fil-futur ser naraw iżjed inizjattivi u proġetti ta’ din l-għamla mhux biss fil-Mellieħa imma anke madwar il-pajjiż kollhu. Għalhekk ser nibqgħu kommessi li ninvestu iżjed biex it-turiżmu jkompli jkun fost il-muturi ewlenin tal-ekonomija Maltija,” temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Preżenti wkoll għal din l-inawgurazzjoni kien hemm iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, il-President tal-Għaqda Korali u Orkestrali Marija Bambina tal-Mellieħa Joe Debono, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, u għaqdiet lokali mis-soċjetà Mellieħija.

Sport