It-tim nazzjonali Malti, permezz ta’ Viva Malta, se jkun qed jirrappreżenta lil pajjiżna fil-Palermo-Montecarlo Regatta, waħda mit-tlielaq offshore ewlenin fil-kalendarju internazzjonali tal-ibburdjar fil-Mediterran, hekk kif ikompli jibni fuq sensiela ta’ riżultati pożittivi miksuba matul din is-sena.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri ltaqa’ mal-membri tat-tim qabel din l-isfida li jmiss u awguralhom kull suċċess hekk kif se jerġgħu jirrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjoni internazzjonali ta’ livell għoli.
Il-Ministru Camilleri qal li r-riżultati miksuba minn Viva Malta qed juru l-valur ta’ investiment immirat fl-iżvilupp tal-atleti u fl-isport ta’ prestazzjoni għolja.
“Qed naraw atleti Maltin jikkompetu mal-aqwa u jiksbu riżultati internazzjonali. Dan huwa l-għan wara investiment strateġiku fl-isport: li noħolqu l-opportunitajiet u nagħtu l-għodod lill-atleti tagħna biex jilħqu livelli dejjem ogħla. Ir-riżultati miksuba fir-Roma Per Tutti, it-Tre Golfi u l-Giraglia jagħtuna aktar determinazzjoni biex inkomplu ninvestu f’dan il-proġett. Issa nawgura lit-tim kull suċċess fil-Palermo-Montecarlo Regatta, hekk kif ikompli jirrappreżenta lil Malta u jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna bħala nazzjon marittimu b’potenzjal sportiv qawwi,” qal il-Ministru Camilleri. Huwa tenna li ser ikomplu jaħdmu flimkien mal-Federazzjoni għall-ġid ta’ dan l-isport.
Il-Viva Malta National Offshore Sailing Project tnieda bħala inizjattiva nazzjonali mmexxija minn Yachting Malta, bl-appoġġ tal-Gvern ta’ Malta, SportMalta u l-Malta Sailing Federation, bil-għan li Malta jkollha tim tal-ibburdjar offshore kapaċi jikkompeti fl-ogħla livelli internazzjonali.
Il-proġett qed joħloq opportunitajiet għall-baħħara Maltin biex jikkompetu fuq livell internazzjonali, filwaqt li jibni rotta għall-iżvilupp ta’ atleti ta’ prestazzjoni għolja, iħeġġeġ aktar żgħażagħ lejn l-ibburdjar u jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru għall-isport marittimu.
F’April li għadda, Viva Malta għamlet id-debutt internazzjonali tagħha fir-Roma Per Tutti Offshore Race, fejn kisbet riżultat storiku bir-rebħ tal-Line Honours, l-IRC Overall u l-ORC Overall.
Wara dan is-suċċess, it-tim ħa sehem fit-Tre Golfi Sailing Week kontra wħud mill-aktar crews kompetittivi fix-xena internazzjonali. Il-kampanja kompliet fit-73 edizzjoni tal-Loro Piana Giraglia Race, fejn Viva Malta kisbet it-tielet post fil-klassi ORC O, u b’hekk kompliet iżżid mar-riżultati internazzjonali tagħha.
Għall-Palermo-Montecarlo Regatta, it-tim se jkun immexxi mill-iskippers Nicky Fenech u Matthew Micallef, flimkien mal-Boat Captain Ramon Sant Hill. Il-crew huwa magħmul minn Angele Vella, Andrea Vella, Nicky Vassallo, Zack Mackay, Daniel Bartolo, Isaac Saliba, Dario Schembri u Liam Grech.

