Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irrakkomandat lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni biex ikeċċi minn Malta żagħżugħ li kisser mera ta’ karozza f’Tas-Sliema.
Keryann Mickael Nicolas, li għandu karta tal-identità Franċiża, ammetta quddiem il-Qorti li fis-7 ta’ Awwissu li għadda, meta kien fi Triq Sacro Cuor, ikkaġuna ħsara f’karozza, li kiser il-paċi pubblika u li kien fis-sakra.
Nicolas ammetta wara li kien hemm qbil bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża li ż-żagħżugħ ma kienx jimmeritah li jiġi kkundannat piena ta’ ħabs effettiva.
Minbarra r-rakkomandazzjoni li jitkeċċa minn Malta, il-Maġistrat Frendo Dimech ikkundannat lil Nicolas sena ħabs sospiża għal 3 snin u ordnat iħallas lill-vittma €504 tal-ħsara li kkaġunalu.

