Saturday, December 21, 2024

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti u Chair-in-Office tal-OSCE Ian Borg iżur l-Ażerbajġan

Aqra wkoll

“M’hemm l-ebda alternattiva sostenibbli ħlief li nimxu fit-triq tad-diplomazija. Dan huwa essenzjali jekk irridu niksbu soluzzjonijiet fit-tul għall-paċi u s-sigurtà.” Nhar it-Tlieta, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u Chairman tal-OSCE Ian Borg kompla ż-żjara tiegħu ta’ tlett ijiem fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu b’diversi laqgħat fl-Ażerbajġan. F’Baku, mexxa lid-delegazzjoni Maltija tal-Presidenza tal-OSCE għal-laqgħat mal-President Ilham Aliyev, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Jeyhun Bayramov u uffiċjali ewlenin oħra.

Il-Ministru Borg spjega li ż-żjara tiegħu pprovdiet opportunità għall-iskambju ta’ għarfien dwar it-temi importanti għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u l-Ażerbajġan, inkluż il-proċess ta’ paċi mal-Armenja. B’referenza għaż-żjara tiegħu fl-Armenja, ġurnata qabel, huwa laqa’ l-progress li sar miż-żewġ pajjiżi fid-delimitazzjoni tal-fruntiera komuni tagħhom u ħeġġiġhom ikomplu dawn in-negozjati b’impenn ġenwin, għal soluzzjoni komprensiva.

“L-OSCE se tkompli tappoġġja l-inizjattivi pragmatiċi kollha li jagħtu riżultati tanġibbli. Huwa essenzjali li titjieb is-sitwazzjoni għall-persuni mċaqalqa minn arthom u għalhekk ibatu mill-konsegwenzi ta’ dan il-kunflitt. Aħna lesti wkoll nappoġġjaw l-isforzi biex tittaffa t-tbatija umana fir-reġjun, u ngħinu nibnu futur aħjar għan-nies tiegħu,” qal il-Ministru u Chair-in-Office.

Hekk kif l-Ażerbajġan ikompli t-tħejjijiet tiegħu biex jospita l-COP29 aktar tard din is-sena, il-Ministru Borg afferma li l-impenn kontinwu bejn l-OSCE u l-Ażerbajġan, dwar aspetti ambjentali, se jikkontribwixxi għad-diskussjonijiet tal-organizzazzjoni dwar l-importanza tal-azzjoni klimatika f’approċċ komprensiv għas-sigurtà.

F’kummenti lill-midja, iċ-Chair-in-Office Borg fakkar li Malta daħlet biex tassumi ċ-Chairperson tal-OSCE fl-aħħar mument għax temmen li din l-organizzazzjoni għandha rwol kruċjali biex tindirizza l-isfidi li qed jiffaċċjaw illum is-57 stat parteċipanti tal-organizzazzjoni, fl-Ewropa u lil hinn minnha.

“Qegħdin naħdmu ħafna biex niżguraw ir-reżiljenza ta’ din l-Organizzazzjoni, niffaċilitaw il-kunsens dwar id-deċiżjonijiet istituzzjonali kollha meħtieġa, bażi finanzjarja soda u tmexxija b’saħħitha għas-snin li ġejjin. Biex nilħqu dan, neħtieġu li l-istati parteċipanti kollha juru r-rieda politika u l-flessibbiltà meħtieġa,” temm jgħid il-Ministru Borg.

Malta bdiet il-Presidenza tagħha ta’ 12-il xahar tal-OSCE f’Jannar, taħt it-tema “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà”, wara li ġiet eletta unanimament biex tmexxi din l-organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, f’Novembru tal-2023.

Ekonomija

Sport