Sunday, November 24, 2024

Il-Ministru Ian Borg jinawgura faċilitajiet ġodda fl-Ambaxxata Maltija f’Washington

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg inawgura xogħlijiet ta’ rinnovar estensiv fl-Ambaxxata Maltija f’Washington, b’aktar aċċessibilità u sigurtà u b’faċilitajiet ġodda għal servizz aħjar lill-pubbliku, speċjalment il-komunitajiet ta’ familji Maltin jew b’dixxendenza Maltija fl-Istati Uniti tal-Amerka.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Borg iltaqa’ mal-Ambaxxatur Malti għall-Istati Uniti Godfrey Xuereb u d-diplomatiċi u impjegati oħra tal-Missjoni Maltija f’Washington, kif ukoll għadd ta’ mistiedna distinti, fosthom is-Segretarju għat-Trasportazzjoni tal-Istati Uniti, Pete Buttigieg.

“L-Istati Uniti għandha t-tielet l-akbar komunità Maltija fid-dinja. Ir-reżiljenza, ħidma iebsa u l-impenn lejn il-wirt kulturali tagħhom jixhdu r-rabta twila li jqarrbu flimkien iż-żewġ pajjiżi. Dan l-investiment fil-kwalità tas-servizzi tagħna f’Washington jikkonferma l-impenn tagħna li nsaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, filwaqt li nikkonsolidaw il-kollaborazzjonijiet f’firxa wiesa ta’ temi, mill-kummerċ għall-investiment, mis-sigurtà, u skambji t’esperjenzi fis-sigurtà u l-kultura,” tenna l-Ministru Borg.

Filwaqt li rrefera għall-istorja twila tar-relazzjonijiet bejn Malta u l-Istati Uniti, li tmur lura aktar minn 50 sena, il-Ministru fakkar li dawn ir-rabtiet b’saħħithom qed isiru dejjem aktar importanti. “Sa mill-ewwel ġranet ta’ Malta Repubblika, għall-irwol kruċjali li Malta kellha bħala medjatur internazzjonali u reġjonali, kif ukoll permezz taż-żieda fis-sehem tagħna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, l-istorja tagħna dejjem kienet marbuta ma’ valuri komuni u aspirazzjonijiet għal-libertà u d-demokrazija. Fi żminijiet t’inċertezza u kunflitti, huwa essenzjali li nkomplu naħdmu flimkien, magħqudin għall-paċi, l-istabbilità u l-prosperità għal kulħadd,” temm jgħid il-Ministru Borg.

L-Ambaxxatur Xuereb qal li l-proġett tar-rinnovazzjoni tal-Ambaxxata u l-Konsolat f’Washington kien jinkludi tibdil strutturali għal tqassim aħjar tal-ispazji, biex kull parti ssir aċċessibbli għal kulħadd filwaqt li tiżdied l-effiċjenza fis-servizz. Sala żgħira ġdida għall-konferenzi se tiffaċilità l-laqgħat bilaterali u impenji diplomatiċi u soċjali oħrajn. Il-proġett jinkludi wkoll sistemi ġodda ta’ sigurtà u ICT, kif ukoll teknoloġiji li jiffrankaw l-enerġija u l-ilma, biex ikomplu jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju.

Il-Missjoni Maltija fl-Istati Uniti ġiet stabbilita fl-1967. Minbarra l-Ambaxxata u l-Konsulat f’Washington, Malta għandha wkoll konsli onorarji f’Alabama, Arizona, Los Angeles, San Francisco, Colorado, Florida, Michigan, Minnesota, Oregon, Philadelphia, Puerto Rico u Seattle.

Sport