Id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament Dr Ian Borg irringrazzja lid-delegati tal-fiduċja li wrew fih u fit-tmexxija tal-Partit Laburista. Qal li huwa dejjem emmen fil-politika ta’ min jagħti sehmu, ta’ min jieħu r-responsabiltà jidħol għall-isfidi u għalhekk kien aċċetta li jidħol f’din il-kariga.
Dr Borg tenna li dejjem emmen li biex setgħu jaslu għar-raba’ rebħa konsekuttiva fl-elezzjoni ġenerali kien hemm bżonn ta’ riċetta waħda, dik li l-PL kellu bżonn tmexxija magħquda, enerġija ġdida u tim li jaħdem flimkien. “Hekk għamilna u r-riżultat wasal.”
“B’umiltà nistgħu ngħidu li l-missjoni li tajtuna bħala tmexxija wettaqnieha u flimkien ktibna l-istorja. Rebħa storika li kienet waħda ta’ moviment sħiħ. Din ir-rebħa kienet possibbli għaliex konna lkoll flimkien wara mexxej wieħed, wara Robert Abela.”
“Ejja nkomplu nibnu fuq dak li ksibna. Ejja nkomplu naħdmu flimkien. Ejja niżguraw li r-raba’ rebħa tkun biss il-bidu ta’ kapitlu ġdid ta’ aktar ġid, aktar ġustizzja u aktar opportunitajiet għal Malta u Għawdex,” temm jgħid Dr Borg.


