Wednesday, April 24, 2024

IL-PAĊI REĠGĦET SARET ĦRAFA

Aqra wkoll

Sa ftit żmien ilu, ftit kienu dawk li kienu mħassbin minħabba l-gwerra li hemm fl-Ukranja.  Ir-raġuni hi li għal ħafna nies għall-ewwel kienet ‘il bogħod u ħafna kienu jqisuha gwerra li qed tintwera fuq film u mhux realta’.

Biss peress li issa bdiet tolqotna, ħafna mill-Maltin saru kkonċernati minħabba din il-gwerra.  Dan minħabba l-miżuri li Malta aċċettat li ddaħħal kontra r-Russja u aktar u aktar minħabba r-riperkussjonijiet tal-gwerra fuq l-ekonomija dinjija, speċjalment l-għoli tal-ħajja.

Malta hi pajjiż żgħir ħafna u ftit għandha influwenza biex bl-azzjonijiet tagħha setgħet iddawwar ir-rotta li wasslet għal din il-gwerra u ftit anqas għandha influwenza biex iddawwar ir-rotta li qed tieħu din il-gwerra.  Biss ma jfissirx li ma nistgħu nagħmlu xejn.  

Minħabba ċ-ċokon tagħna, qiesna bħal dgħajsa żgħira, meta l-baħar ikun imqalleb ħafna – ftit tista’ tikkontrolla u ma tmurx fejn jitfgħek il-kurrent.

Hu minħabba dan li rridu naraw l-ideat li ilhom imexxu dawn il-pajjiżi l-kbar.  Sa anqas minn seklu, id-dinja kienet taħt il-kontroll assolut tal-pajjiżi Ewropej.  Dan il-kontroll lill-pajjiżi Ewropej tahom id-dritt li jisfruttaw dawk il-pajjiżi li kienu kolonja tagħhom biex isaħħu l-ekonomija tagħhom b’mod li tiddomina lid-dinja kollha.

Din is-sitwazzjoni nbidlet minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija fejn minħabba li l-pajjiżi kollha tal-Ewropa kienu involuti fil-gwerra f’pajjiżhom stess, kellhom jiddependu fuq l-Istati Uniti biex mhux biss l-Alleati jirbħu l-gwerra imma biex jerġgħu jqajmu l-ekonomija tagħhom.  Dan biddel id-dominanza dinjija minn waħda Ewropea għal dominanza mill-Istati Uniti.  

Id-dominanza ġġib il-poter u dan rajnieh anki hawn Malta speċjalment dan l-aħħar snin fejn ikollna nbaxxu rasna għal dak li jgħidulna.  Din hi d-demokrazija moderna! Mhux iċ-ċittadini tal-pajjiż jiddeterminaw ħajjithom imma pajjiżi oħra li għandhom dominanza sew fl-ekonomija u sew fl-armi.

L-armi huma mezz tajjeb biex iġġib dominanza u dan ma rajniehx illum.  Ilna narawh madwar id-dinja kollha.  Illum imiss l-Ewropa u llum qed naraw gwerra.  Din id-darba l-vjolenza ġejja mir-Russja biex, skont hi, qalgħet gwerra biex ma tiġix iddominata.  Personalment ma nqis li din ir-raġuni tiġġustifika b’xi mod li tibda gwerra u tattakka pajjiż ieħor.  

Għalija l-gwerra hu falliment.  Falliment li l-pajjiżi mhux kapaċi jitkellmu ma’ xulxin u jippruvaw jifhmu lil xulxin biex ikunu jistgħu jgħixu tajjeb t-tnejn flimkien.  Biss dan il-falliment min qed isofrih?  Huma ċ-ċittadini ż-żgħar.  Illum kien imiss liċ-ċittadini tal-Ukranja li jkollhom isofru din il-ħruxija u tbatija.  Mhux biss tilfu l-futur tagħhom imma tilfu wkoll il-familja tagħhom.  

U dan hu xi ħaġa li l-pajjiżi li jridu dominanza ma jarawx.  Jitkellmu dwaru, mhux għax iħossu għal dawn iċ-ċittadini imma biex jgħajru l-għadu tagħhom.  Dan kollu għas-spejjeż taċ-ċittadin żgħir.  Illum, minflok li nwaqqfu l-gwerra u nsibu soluzzjoni kif nistgħu ngħixu ma’ kulħadd, l-emfasi hi kif nistgħu nissieħbu ma’ ħaddieħor biex nuru min aħna.

U hawn hi xi ħaġa li ma nistax nifhem.  Għalija l-gwerra hi bħal meta fi triq tinqala’ ġlieda bejn żewġt irġiel, it-tnejn bi skieken f’idejhom.  Meta jiġri hekk, għalija, l-aktar ħaġa importanti hi li nwaqqfu l-ġlieda għaliex din ser twassal għal ħsara kbira liż-żewġt irġiel barra li jista’ jintlaqat ħaddieħor innoċenti.  F’dan l-istadju, mhux importanti min għandu raġun.  L-aktar ħaġa importanti hi li nwaqqfu din il-ġlieda.  Issa meta niġu għall-Ukranja, din tieħu importanza akbar għaliex l-aktar li qed ibatu huma ċ-ċittadini.  Jekk verament nemmnu fid-dritt tal-ħajja, irridu nwaqqfu l-ġlied.  Sfortunament l-attitudni hi aħjar li nkunu spettatturi billi nħalluhom jiġġieldu u xogħolna hu biss li nissapportjaw ma min naqblu, najru ma minn ma naqblux u niprovdu aktar skiken lil min nissapportjaw.  

Bħal ma għidt il-ġlied ma twaqqfux billi int tissapportja lil xi ħadd minn dawk li qed jiġġieldu.  Il-ġlied twaqqfu billi tipprova tikkalmahom u tipprova tipperswadihom li hemm bżonn iwaqqfu din il-krudelta’.  Għalija l-gwerra fl-Ukranja, hi falliment tal-UE.  Dan rajnieh qabel ma bdiet din il-gwerra, meta Biden ma ħalliex lill-Ewropa tidħol fit-taħditiet biex nevitaw il-gwerra.  Minflok qamet għaliex din ser tolqot lilha direttament, l-UE għalqet ħalqha u ħalliet it-taħditiet f’idejn ħaddieħor.  Inkun ċar, meta qed insemmi l-UE, għalija din l-istituzzjoni illum tilfet l-identita’ tagħha u saret pupazz tan-NATO li ma hi xejn għajr organizzazzjoni militari li tmexxi l-Istati Uniti.  

Qed ngħid hekk għaliex jien nirrispetta ħafna dak li għamel speċjalment Macron ta’ Franza.  Ma qgħadtx bil-qegħda jikkumenta jew jgħajjar.  Imma ħareġ għonqu biex jevita l-gwerra.  Jien ċert li Macron mhux favur ir-Russja, imma hu bniedem li għaraf l-importanza tal-Paċi għaliex mingħajr Paċi u bi gwerra huma n-nies li qed ibatu.  Hi ħasra li din l-attitudni mhix waħda komuni.  Anzi hi waħda rari mmens fil-mexxejja tad-dinja speċjalment ta’ dawk il-pajjiżi kbar li jaħsbu li għandhom dritt fundamentali li jiddominaw lil ħaddieħor.  

Dan narawh mill-Istati Uniti u r-Renju Unit.  L-interess primarju tagħhom hu li jaraw lir-Russja titlef il-gwerra minkejja li biex isir dan ser jintilfu ħafna mijiet ta’ eluf ta’ ħajjiet innoċenti.  Hu għalhekk li minflok li l-oġġettiv primarju hu li nsibu soluzzjoni biex inwaqqfu l-ġlied, dawn kull ma qed jagħmlu hu li jitfgħu kemm għandhom armi fl-Ukranja u li jiddettaw lill-UE.  Din l-istrateġija għalihom hi tajba għax mhux qegħdin fuq il-fruntiera tal-gwerra u qed iġgħelu lill-ħaddieħor jiġġieled għalihom.  

Il-konsegwenzi ta’ dan nafu x’inhuma.  Il-gwerra ser tkompli għal xhur sħaħ jekk mhux għal snin ukoll.  Din il-gwerra fuq kollox ma nafux kif ser tiżviluppa.  Jekk nibqgħu bil-mentalita’ li għandna jkun miraklu li din il-gwerra tieqaf u ma tespandix.  

U hawn hu r-rwol tagħna bħala membru fl-UE.  Ir-rwol tagħna għandu jkun li nqajmu lill-UE mir-raqda li qegħda fiha u minflok taċċetta l-gwerra tara x’tagħmel biex dan il-ġlied li qed iġib tbatija kbira lill-Ukreni jieqaf illum qabel għada.  Dan għandu jkun ir-rwol tal-UE u mhux li naċċettaw il-gwerra, nissapportjaw naħa u kull ma nagħmlu hu li nimponu r-restrizzjonijiet u nibnu swar madwarna.  L-UE trid tifhem li biex twaqqaf gwerra hemm bżonn titkellem mal-pajjiż l-ieħor u tipprova tasal għal xi ftehim u mhux billi thedded.  It-theddid mhux paċi jġib imma jkompli l-gwerra.

Hu tajjeb li l-mexxejja jmorru l-Ukranja.  Imma dan għandu jsir mhux biss inħarxu s-sitwazzjoni imma biex naraw kif nistgħu ngħinu liċ-ċittadini li qed ibatu.  Il-mexxejja m’għandhomx jieqfu hemm imma għandhom l-obbligu li jmorru Moska, bħal ma bdiet tagħmel issa l-Ġnus Magħquda, u jaraw kif jagħmlu biex jipperswadu lil Putin biex iwaqqaf il-tbatija, il-ħruxija u l-qerda li qed ikompli jġib fuq iċ-ċittadini innoċenti.  Min-naħa l-oħra, ser jitkellmu wkoll mal-Ukranja biex jaraw kif jistgħu iressqu liż-żewġ naħat lejn xulxin.

Dan barra li rridu naraw il-konsegwenzi ta’ dak li qed jiġi ssuġġerit.  Suġġeriment minnhom hu jippressaw liċ-Ċina biex ma tgħinx lir-Russja minkejja li kulħadd jaf li primarjament iċ-Ċina kienet it-target ta’ Biden.  Azzjoni bħal din li tinvolvi pajjiż ieħor bit-theddid mhux issolvi imma tkun qed toħloq alleanzi akbar.  Sfortunatament l-UE hi kuntenta li tibqa’ pupazz tal-Istati Uniti.  Imma l-agħar suġġeriment hu li l-UE taċċetta lill-Ukranja bħala membru tal-UE waqt din il-gwerra.  X’ser ikun l-effett?  L-effett ser ikun biss li nuru s-sapport tagħna lill-Ukranja jew li nidħlu fil-gwerra aħna wkoll u minflok innaqqsu l-ġlied inkomplu nkabbruh?  Aħna bħala Malta, jekk verament nemmnu fil-paċi, irridu naraw mhux biex inżidu imma li nnaqqsu dan il-ġlied li jekk nibqgħu sejrin hekk jista’ jespandi din il-ħruxija u tbatija fuq iċ-ċittadini Maltin.  

Fuq kollox ma rridux ninsew dak li konna ksibna fil-passat – dak li nagħmlu pajjiżna, pajjiż newtrali biex ma nerġgħux nidħlu fi gwerra.

Sport